Fit-18-19 ta’ Novembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ser jorganizza s-Seminar tiegħu dwar Nikkollegaw l-UE, li qabel kien is-Seminar tas-Soċjetà Ċivili dwar il-Midja, li kull sena jlaqqa’ l-komunikaturi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rappreżentati jew marbuta mal-KESE. L-avveniment ser isir fil-Fondazzjoni Gulbenkian f’Liżbona.
Intitolat “X’tip ta’ Ewropa toħlom biha? Is-Soċjetà Ċivili u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”, is-Seminar dwar Nikkollegaw l-UE ser jiddiskuti tliet suġġetti li huma fost id-disa’ proposti għad-diskussjonijiet taċ-ċittadini fil-kuntest tal-Konferenza. Dawn huma:

  • is-saħħa;
  • ekonomija aktar b’saħħitha, il-ġustizzja soċjali u l-impjiegi;
  • id-demokrazija Ewropea.

Il-KESE jemmen li dawn huma l-aktar kwistjonijiet qrib il-qlub tal-Ewropej jew li jħassbuhom l-aktar. Is-suġġetti ser jiġu diskussi fi tliet panels, b’kelliema minn ambjenti akkademiċi, riċerkaturi u rappreżentanti tal-midja u tal-NGOs.
B’dan is-seminar, il-KESE għandu l-intenzjoni li juri l-impenn profond tiegħu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, bħala inizjattiva fundamentali biex jerġgħu jinkisbu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE u l-appoġġ tagħhom għall-proġett Ewropew. Jittama li l-parteċipanti, kemm dawk preżenti f’Liżbona kif ukoll dawk li ser isegwu permezz ta’ live stream, ser jikkomunikaw il-konklużjonijiet mis-seminar lill-membri tal-organizzazzjonijiet tagħhom lura f’pajjiżhom. B’dan il-mod, l-avveniment jista’ jgħin sabiex aktar Ewropej ikunu involuti fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa u jgħinhom jesprimu l-ideat, ix-xewqat, it-tħassib u l-istennijiet tagħhom dwar x’tip ta’ Ewropa joħolmu biha.

Sabiex tkun taf aktar dwar is-Seminar dwar Nikkollegaw l-UE 2021: https://www.eesc.europa.eu/en/node/93131 (ll).