Kull xahar, se nkunu qed nintroduċu personalità li ħidmitha u l-impenn tagħha huma ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. Għandna l-pjaċir nippreżentaw individwi prominenti mid-dinja tal-kultura, il-politika u x-xjenza li l-attività u l-kreattività tagħhom huma stedina lil oħrajn biex ikunu attivi u biex jieħdu azzjoni. Dawn huma persuni li jikkontribwixxu biex ibiddlu r-realtà li ngħixu fiha.

Għall-edizzjoni tal-KESEInfo ta’ Ottubru, stedinna lill-Professur Caroline Pauwels, li hija r-rettur ta’ Vrije Universiteit Brussel. Hija tiddiskuti l-impatt tal-pandemija fuq iż-żgħażagħ u l-ambjent universitarju u tippreżenta tliet tagħlimiet post-pandemiċi li jistgħu jaffettwaw il-futur tal-istudenti.

Il-Professur Caroline Pauwels bdiet it-tieni mandat tagħha bħala rettur tal-Vrije Universiteit Brussel f’Settembru 2020. Studjat il-filosofija u x-xjenzi tal-komunikazzjoni u ilha membru tad-dipartiment tax-xjenzi tal-komunikazzjoni mill-1989, u f’dawn l-aħħar snin hija l-kap tiegħu. Hija kisbet dottorat fl-1995 b’dissertazzjoni dwar il-politika awdjoviżiva tal-Unjoni Ewropea. Mill-2000 sal-2016, il-Professur Pauwels mexxiet iċ-ċentru ta’ riċerka SMIT, li jispeċjalizza fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li ssieħeb ma’ iMinds (issa IMEC) fl-2004. Fi ħdan iMinds, kienet il-kap tad-Dipartiment tas-Soċjetà Diġitali, li jlaqqa’ flimkien gruppi ta’ riċerka mill-universitajiet ta’ Ghent, Leuven u Brussell. L-università ta’ Ghent tatha t-titlu ta’ President Francqui mill-2012 sal-2014. Hija kienet membru fuq diversi bordijiet tad-diretturi, kummissarju tal-gvern għax-xandar VRT u hija membru tal-Akkademja Fjamminga Rjali tal-Belġju għax-Xjenza u l-Arti. (ehp)