European Economic
and Social Committee
Isabel Caño Aguilar, Viċi President għall-Komunikazzjoni: Din hija sempliċement tislima
Isabel Caño Aguilar, Viċi President għall-Komunikazzjoni: Din hija sempliċement tislima
Hemm żmien għal kollox. Issa wasal il-waqt li nsellmu lil xulxin. Qattajna sentejn u nofs flimkien: wara April 2018, kelli l-unur li naħdem bħala viċi president għall-komunikazzjoni, flimkien ma’ Milena Angelova, Viċi President għall-Baġit.
Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-qarrejja tal-“KESEinfo”, għal-lealtà tagħhom. Kellna l-privileġġ li naqsmu magħkom l-aħjar mumenti tal-avvenimenti, is-seminars, id-dibattiti, id-diskussjonijiet u s-sessjonijiet plenarji tagħna – fi ftit kliem, l-inizjattivi kollha li sawru l-mandat tal-KESE taħt il-presidenza tal-President Luca Jahier.
Kelli l-opportunità li naħdem ma’ tim fantastiku fid-Direttorat għall-Komunikazzjoni. Se ngħożż il-memorji tal-kollegi li appoġġjawni matul dan il-perjodu, ta’ dawn in-nisa u l-irġiel li għenuni nikber, li għallmuni nagħti aktar attenzjoni lid-dinja ta’ madwarna u li magħhom qsamt l-inizjattivi kollha li wettaqna matul dan il-mandat. Mingħajr il-ħidma, l-impenn u l-entużjażmu tagħhom, il-kompitu tiegħi ma kienx ikun possibbli.
Min jaf kemm-il darba poġġejna fil-prattika l-idea ta’ Hannah Arendt, li qalet “il-kliem ġust misjub fil-ħin opportun huwa l-azzjoni”!
Bosta tifkiriet, uċuħ u kliem se jibqgħu fil-memorja tiegħi. Dawn jinkludu l-ġurnalisti mis-seminars ta’ Diċembru u, fost l-oħrajn, il-kliem ta’ Andrew Caruana Galizia li nieda sejħa għal-libertà tal-espressjoni; id-diskors ta’ Marta Lempart, rebbieħa tat-tieni premju tas-soċjetà ċivili fl-2019, iddedikat għall-ugwaljanza u mogħti lill-moviment Strajk tan-Nisa Pollakki, li appella lin-nisa biex ikunu kapaċi jġibu l-bidla.
Niftakar il-pariri tal-korrispondenti tal-midja fi Brussell, li stednuna għal-laqgħat tal-COCOM: “Agħtu widen lill-membri tagħkom, li kollha għandhom stejjer x’jirrakkuntaw”.
Skambji ta’ fehmiet, xi kultant imqanqlin ferm, imlew il-kmamar fejn iltqajna f’Ateni u f’Malaga. Is-seminar li sar fl-2018 f’Ateni, il-benniena tad-demokrazija, tana l-opportunità li nerġgħu niskopru l-għeruq tal-valuri Ewropej tagħna. Fl-2019, iltqajna f’Malaga f’università mimlija inizjattivi miż-żgħażagħ u affermajna mill-ġdid li l-Unjoni Ewropea hija proġett li għandu jinbena flimkien mas-soċjetà ċivili.
Minn Marzu 2020 ’il quddiem, kellna mmorru f’lockdown u norganizzaw mill-ġdid il-ħidma tagħna ta’ kuljum. Il-pandemija wasslitna biex ngħixu u naħdmu b’mod differenti. Il-Kumitat kien ħafif fir-reazzjoni tiegħu u fis-17 ta’ Marzu ppubblikajna dikjarazzjoni li tappella għal aktar solidarjetà u azzjoni konġunta fil-livell Ewropew biex il-konsegwenzi tal-pandemija jkunu indirizzati b’mod effettiv.
Ħdimna id f’id ma’ istituzzjonijiet oħrajn biex nikkumbattu l-kriżi fil-livell soċjali, ekonomiku u politiku. Bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, tkellimna b’vuċi waħda u enfasizzajna li biex ikollna s-saħħa ħalli nindirizzaw din il-kriżi rridu nibqgħu magħqudin flimkien.
Bħala d-dipartiment tal-komunikazzjoni, żgurajna l-kopertura mill-midja għall-ħidma leġislattiva tagħna, li qatt ma waqfet, iżda, xtaqna wkoll nikkondividu l-mod li bih il-membri tal-KESE kienu qed jaħdmu f’pajjiżhom, fil-qalba tal-organizzazzjonijiet tagħhom stess, biex jikkumbattu l-effetti tal-pandemija.
Is-sezzjoni tagħna “Mill-Pinna ta’...” tat aċċess lill-membri għall-kolonni tagħha, fejn dawn qasmu l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet u l-kummenti tagħhom dwar il-mumenti li esperjenzaw matul il-pandemija, meta deher li ż-żmien kien bħal donnu wieqaf, iżda fuq kollox, dan għinna niskopru mill-ġdid id-diversità tal-Kumitat tagħna u l-attivitajiet kollha mwettqa mit-trejdjunjonisti, l-imprendituri u l-membri ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili.
Dalwaqt se niktbu kapitolu ġdid fl-istorja tal-istituzzjoni tagħna. Nirringrazzjakom ilkoll għall-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom, u fuq kollox għar-rieda tagħkom li tikkomunikaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Nirringrazzja lill-qarrejja kollha tal-“KESEinfo” talli jkunu ħerqana biex jirċievu l-aħbarijiet mill-KESE, nirringrazzja lill-membri talli qasmu ħsibijiethom, nirringrazzja lill-gruppi, nirringrazzja lis-sezzjonijiet u nirringrazzja lit-tradutturi għall-ħidma preċiża tagħhom minkejja li jkunu taħt pressjoni ta’ ħin.
Nirringrazzja ħafna lit-tim tagħna tal-Unità tal-Istampa għall-effiċjenza u l-kreattività tiegħu u għall-pubblikazzjoni ta’ dan il-bullettin, li qatt ma jieqaf jattira abbonati ġodda. Grazzi lill-kollegi tal-unità INF għall-kontribut artistiku u tekniku tagħhom għat-twettiq tal-“KESEinfo”.
Jien mhux se nitlaq, se nibqa’ magħkom fir-rwol tiegħi bħala membru. Fija se ssibu sostenitur ferventi tal-azzjonijiet kollha tagħkom b’rabta mal-informazzjoni u mal-komunikazzjoni.
L-aħħar messaġġ tiegħi, misluf minn Albert Camus, huwa tip ta’ motto li se nħallihulkom bit-tama li nkunu nistgħu napplikawh kuljum: “li toħloq xi ħaġa huwa daqslikieku tgħix darbtejn”.