L-eks Ministru Pollakk għall-Politika Soċjali u l-President attwali tal-Assoċjazzjoni Pollakka tal-Iscouting u l-Guiding (ZHP), is-Sur Pater ġie elett għall-kariga fis-26 ta’ April mill-assemblea plenarja tal-KESE, li tagħha ilu membru attiv ħafna mill-2006.

Waħda mill-ogħla prijoritajiet tas-Sur Pater, bħala r-responsabbli għall-infiq tal-Kumitat, se tkun li jsaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu, bħala istituzzjoni demokratika, għat-theddid u l-influwenza ostili.

“Mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna ’l hawn, ma kienx hemm biss bidla drammatika fix-xenarju ekonomiku, li hija sors ta’ inċertezza kbira fl-ippjanar ta’ ħafna mill-infiq tal-Kumitat, iżda wkoll fis-sitwazzjoni ġeopolitika globali”, qas is-Sur Pater. “Dan jagħmilha aktar importanti minn qatt qabel li ninvestu biex is-sistemi demokratiċi eżistenti jkunu jistgħu jipproteġu aktar id-drittijiet fundamentali u jsaħħu l-istabbiltà tagħhom stess.”

Fil-Polonja, Krzysztof Pater kellu rwol prominenti fir-riforma tas-sistema Pollakka tal-pensjonijiet lejn l-aħħar tad-disgħinijiet, u għen fit-tiswir tal-kunċett tal-pilastri ta’ finanzjament. Huwa sar Sottosegretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Politika Soċjali fl-2001 u Ministru għall-Politika Soċjali fl-2004.

Ippremjat bis-Salib tad-Deheb tal-Mertu mill-President tal-Polonja għax-xogħol edukattiv tiegħu mat-tfal u ż-żgħażagħ, is-Sur Pater ilu membru attiv tal-Assoċjazzjoni tal-Iscouting ZHP għal aktar minn 45 sena u bħalissa huwa l-president tagħha.

Fil-KESE kien president tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (2008-2010), u president tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol (2010-2013 u 2018-2020).

Ir-rapporti tiegħu mexxew kampanji biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jivvutaw madwar l-UE fl-elezzjonijiet Ewropej. Huwa kien ukoll favur ir-rikonoxximent tal-valur soċjali u ekonomiku enormi tal-volontarjat, li huwa tenna fid-diskors ta’ aċċettazzjoni tiegħu: “L-attività volontarja salvat il-ħajja ta’ eluf ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea matul il-pandemija tal-COVID-19 u żgurat li mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati mill-Ukrajna setgħu jiksbu l-għajnuna li kellhom bżonn. Nittama ħafna li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi wkoll l-isforzi tagħhom billi tagħmel l-2025 is-Sena Ewropea tal-Volontarjat, kif il-Kumitat tagħna talab. (dm)