Jeħtieġ li ninvestu dejjem aktar fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli biex niżguraw futur aktar ekoloġiku, aktar sikur u aktar affordabbli għall-Ewropa: il-President tal-KESE Christa Schweng u l-Kummissarju għall-Enerġija Kadri Simsom esprimew din il-konvinzjoni flimkien fis-sessjoni plenarja tal-KESE fit-22 ta’ Marzu.

Hija u tinnota li l-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew b’mod esaġerat, l-inflazzjoni u t-tkabbir ekonomiku baxx wasslu għal sena ta’ sfida kbira għaċ-ċittadini u n-negozji, is-Sinjura Schweng qalet li “l-ħidma favur tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fl-Ewropa, l-aċċellerazzjoni tat-tnedija ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, prezzijiet affordabbli tal-enerġija u l-iżgurar u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tagħna għadhom l-ogħla prijoritajiet għall-KESE”.

Is-Sinjura Simson iddeskriviet it-triq ’il quddiem għall-politika dwar l-enerġija għall-UE: “Kieku kelli nwieġeb din il-mistoqsija b’kelma waħda biss, din tkun “rinnovabbli”. Għaliex din hija l-ogħla prijorità tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija – li timxi ’l quddiem u twettaq l-objettivi tagħna dwar l-enerġija rinnovabbli”.

Għall-ewwel darba fl-istorja, l-UE m’għadhiex tiddependi mill-enerġija Russa. Permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass, it-tnaqqis fid-domanda, iż-żieda fl-effiċjenza u promozzjoni aktar b’saħħitha tal-enerġija rinnovabbli, l-UE temmet id-dipendenza massiva mir-Russja.

39 % tal-elettriku tal-UE issa jiġi minn sorsi rinnovabbli. L-2022 kienet sena rekord: l-UE iġġenerat aktar elettriku mir-riħ u l-enerġija solari milli mill-gass, u l-kapaċità tal-enerġija mir-riħ żdiedet bi 15-il GW u dik tal-enerġija solari b’41 GW. (mp)