mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Spanja qed tippjana li tpoġġi d-dimensjoni soċjali tal-UE fil-qalba tal-Presidenza ta’ sitt xhur tagħha tal-Kunsill tal-UE, dan ifisser għadd rekord ta’ konsultazzjonijiet għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar uħud mill-kwistjonijiet soċjali prinċipali ta’ bħalissa

Spanja se tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE f’Lulju li ġej, hekk kif qed noqorbu lejn l-aħħar fażi tal-mandat tal-President Von der Leyen, u t-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej 2024. Fid-dawl ta’ tmiem dan il-mandat iżda wkoll fid-dawl tal-prijoritajiet futuri tal-Kummissjoni li jmiss, Spanja enfasizzat b’mod ċar l-aspetti soċjali li l-Ewropa jeħtiġilha tindirizza, u r-rieda tagħha li tiżblokka u tmexxi ’l quddiem uħud mid-dossiers l-aktar kontroversjali dwar kwistjonijiet soċjali.

Għalhekk, mhijiex ta’ sorpriża li Spanja talbet għadd straordinarju ta’ opinjonijiet esploratorji mill-KESE, mill-inqas 20 opinjoni. Dawn l-opinjonijiet ivarjaw mill-Protokoll dwar il-Progress Soċjali, li l-KESE appoġġja fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (u li, fl-aħħar mill-aħħar, ġie inkluż fir-rakkomandazzjonijiet), għall-kwistjonijiet dwar id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, in-negozjar kollettiv ekoloġiku, is-saħħa mentali u l-prekarjat, kif ukoll il-proposta għal proċedura ta’ żbilanċi soċjali. Il-KESE diġà qed jiffinalizza l-ħidma fuq xi wħud minnhom, u għalhekk se jkun lest li jagħti l-kontribut tiegħu fil-proċess ta’ politika mill-bidu nett. (ppr)