Għalija, bħala kopresident tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna, huwa meħtieġ li jerġgħu jiġu stabbiliti u jinżammu r-rabtiet bejn il-membri tal-pjattaforma, li jirrappreżentaw lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lill-NGOs. F’dan iż-żmien kruċjali, bil-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, irridu nżommu kuntatti mal-parteċipanti Ukreni tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili.

Jekk jirnexxielna nżommu r-rabtiet ħajjin u niżguraw l-funzjonament tan-network, nistgħu nagħmlu progress f’dak li jirrigwarda l-prijoritajiet. Għall-mument, l-objettiv prinċipali għandu jkun li jiġu identifikati l-ħtiġijiet prattiċi tal-poplu Ukren u naraw kif nistgħu, bħala membri tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili, ngħinu lill-kollegi Ukreni tagħna b’atti ta’ solidarjetà f’din is-sitwazzjoni estremament diffiċli.

Iżda nemmen li l-kompitu l-iżjed importanti tagħna huwa li ngħinu fl-integrazzjoni tar-refuġjati tal-gwerra Ukreni, billi ’l fuq minn ħames miljun ruħ ħarbu lejn pajjiżi ġirien jew pajjiżi Ewropej oħra. Fuq nett fl-aġenda tagħna fil-laqgħa li jmiss tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna għandha tkun l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-refuġjati Ukreni. Jeħtieġ li nsibu modi li bihom l-adulti u t-tfal Ukreni jistgħu jiġu inkorporati fl-istruttura soċjali u ekonomika tal-pajjiżi individwali sabiex tingħata għajnuna ħalli tittaffa t-trawma tal-gwerra. Naturalment, meta l-gwerra tintemm, il-pass li jmiss tagħna jkun li ngħinu lil dawn in-nies jintegraw lura fl-Ukrajna.

Aħna ninsabu spalla ma’ spalla mal-poplu Ukren u bħala l-Pjattforma tas-Soċjetà Ċivili nesprimu s-solidarjetà sħiħa tagħna.

Veselin Mitov, Membru tal-KESE, kopresident tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna