Minn Maria Nikolopoulou, membru tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Il-kommemorazzjoni ta’ din is-sena tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa ġiet affettwata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna. Iż-żewġ avvenimenti jagħmluha ċara li d-drittijiet tan-nisa jisfaxxaw fi żminijiet ta’ instabbiltà politika, soċjali u ekonomika.

Rajna li l-ħaddiema nisa sofrew aktar minħabba t-telf tal-impjiegi tagħhom waqt il-pandemija, u minħabba li, waqt it-telexogħol, ma ġewx affettwati bl-istess mod bħall-irġiel rigward il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, u l-vjolenza domestika żdiedet waqt il-lockdowns. L-inugwaljanzi strutturali ta’ qabel il-pandemija ġew aggravati.

Il-gwerra tibdel il-prijoritajiet u l-ġlieda għas-sopravivenza għandha tiġi l-ewwel. In-nisa fir-rwoli differenti tagħhom – ommijiet, persuni li jindukraw lil oħrajn, ħaddiema, ġellieda, refuġjati – se jkunu qed isofru kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u l-unika għażla tagħhom hija li jirreżistu u jimxu ’l quddiem.

Il-moviment tat-Trade Unions u l-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE huma lesti u fid-dmir li juru solidarjetà man-nisa kollha li s-sopravivenza u d-drittijiet tagħhom jinsabu taħt attakk bħalissa. Nisa minn kull rokna tad-dinja, ingħaqdu biex nerġgħu nistabbilixxu l-paċi u nibnu futur ġust u prosperu għal kulħadd!