Il-garanzija tas-sigurtà għall-Ewropej u d-difiża tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali: il-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet se jkunu l-prijoritajiet ewlenin għall-Iżvezja, li se jkollha l-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Jannar sa Ġunju 2023.

Waqt dibattitu plenarju fil-25 ta’ Jannar 2023, il-president tal-KESE Christa Schweng wiegħdet l-appoġġ sħiħ tal-Kumitat għall-presidenza: “Dan huwa żmien ta’ sfida inkredibbli li wieħed jieħu f’idejh il-presidenza, peress li l-UE qed tesperjenza gwerra ħarxa fil-fruntieri tagħha. Il-KESE jilqa’ dawn il-prijoritajiet fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, peress li m’għandniex inħallu s-sigurtà tagħna jew il-valuri tagħna jiġu affettwati. Aħna nappoġġjaw l-Ukrajna.”

Jessika Roswall, il-Ministru Żvediż għall-Affarijiet tal-UE, qalet li l-Presidenza Żvediża qieset il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE, inkluż il-KESE, bħala ta’ importanza kbira u tistenna bil-ħerqa li tibqa’ f’kuntatt mill-qrib u żżomm djalogu miftuħ magħhom.

Hija u ssemmi l-ogħla prijorità tal-presidenza, saħqet li “l-Iżvezja qed tieħu l-presidenza fi żmien ta’ sfidi storiċi għall-Unjoni. Il-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna se tkompli tiddomina l-aġenda Ewropea”.

Il-Presidenza Svediża se taħdem biex iżżomm l-għaqda Ewropea u tagħmel l-Unjoni aktar ekoloġika, aktar sigura u aktar ħielsa, billi tiffoka fuq:

  • Is-sigurtà
  • Il-kompetittività
  • It-tranżizzjoni ekoloġika u dik enerġetika
  • Il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt. (mp)