European Economic
and Social Committee
Sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-baġit tal-UE għandhom ikunu stabbli, ġusti u favorevoli għan-negozju
Il-Kumitat qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea twettaq valutazzjonijiet tal-impatt aktar immirati tal-proposti tagħha għal sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-baġit tal-UE biex jitħallas lura d-dejn tan-NextGenerationEU.
B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mad-dħul propost tal-UE minn “riżorsi proprji” għall-baġit. Madankollu, iridu jkunu iżjed stabbli u ġusti u m’għandhomx ikunu ta’ piż għall-unitajiet domestiċi jew in-negozji.
F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Mejju, il-KESE jappella lill-Kummissjoni wkoll biex tassigura li l-proposti tagħha jkunu jifilħu għal xokkijiet ekonomiċi u jwissi li dawn il-proposti jistgħu jisfaw fix-xejn minħabba l-konsegwenzi ta’ spejjeż tal-enerġija ogħla minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
“Id-disinn tar-riżorsi proprji ġodda m’għandux jipperikola l-baġits ta’ programmi u strumenti oħrajn tal-UE, u għandu jevita li jżid il-kontribuzzjonijiet ta’ riżorsi bbażati fuq l-ING,” qal ir-relatur tal-Opinjoni, Philip von Brockdorff. Il-korelatur, Antonio García del Riego, żied jgħid: “Il-KESE japplawdi l-isforzi tal-OECD biex jiġi żgurat li korporazzjonijiet globali jiġu intaxxati fejn iseħħu l-attività ekonomika u l-ħolqien tal-valur, iżda jwissi li n-negozji tal-UE m’għandhomx jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv bl-implimentazzjoni tar-regoli ġodda qabel ma jagħmlu dan l-imsieħba kummerjali ewlenin”. (tk)