L-attivitajiet tal-KESE matul il-Presidenza Franċiża tal-Unjoni Ewropea

Il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tinsab f’mument deċiżiv, fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja bosta sfidi tas-saħħa, soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

Fost il-prijoritajiet prinċipali tagħha hemm l-ambizzjoni ta’ Ewropa aktar sovrana fir-rigward tal-migrazzjoni, tad-difiża u tal-politika tal-viċinat, flimkien ma’ għanijiet prinċipali oħra, bħall-bini ta’ mudell Ewropew ġdid li jgħaqqad id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali, jew it-tisħiħ tas-sens tagħna ta’ sħubija komuni, ir-raġuni għalfejn jeżisti l-proġett Ewropew u l-kwistjoni fil-qalba tal-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa. Matul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Franza beħsiebha tisma’ b’attenzjoni liż-żgħażagħ, li fl-2022 se jkun fl-ewwel post minħabba s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.

Determinat li jikkoopera mill-qrib mal-Presidenza Franċiża u li jsemma leħen l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinsab kuntent bil-possibbiltà li jaħdem magħha sabiex iwettaq Unjoni Ewropea b’saħħitha u qrib iċ-ċittadini tagħha. Dan il-fuljett jippreżenta l-attivitajiet u l-inizjattivi prinċipali li l-KESE se jwettaq biex jappoġġja l-isforzi ta’ din il-Presidenza.
Il-fuljett huwa disponibbli bl-EN, il-FR u l-DE fis-sit web tal-KESE. Tista’ titlob kopja stampata billi tikkuntattja lil vipcese@eesc.europa.eu.  (af)