Regoli fiskali tal-UE – il-KESE jappella għal riformi

Il-qafas fiskali tal-UE jeħtieġ li jiġi rivedut Dan għandu jsir mhux biss biex l-ekonomija tiġi stabbilizzata fuq terminu medju, iżda wkoll biex tiġi ffinanzjata t-trasformazzjoni soċjoekoloġika tal-ekonomija tagħna u biex jiġu garantiti impjiegi sħaħ, impjiegi ta’ kwalità għolja u tranżizzjonijiet ġusti. L-opinjoni mfassla minn Dominika Biegon u adottata mill-assemblea fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru hija ċara: il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproċedi bir-reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE.

Meta tkellmet waqt id-dibattitu, is-Sinjura Biegon qalet: “Il-KESE jippromovi soluzzjonijiet prammatiċi għall-futur tal-qafas fiskali tal-UE: l-Opinjoni tagħna turi kif jistgħu jingħelbu l-firdiet ideoloġiċi fid-dibattitu dwar id-djun sovrani. Ir-regoli fiskali tal-UE jistgħu jittejbu b’mod sinifikanti mingħajr ma jinbidlu t-Trattati tal-UE. Nistgħu ntemmu n-nuqqas kroniku ta’ investiment pubbliku u nagħtu lill-Istati Membri aktar liberta biex jiġġieldu t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’mod adegwat fil-futur mingħajr ma jipperikolaw is-sostenibbiltà fiskali. L-istituzzjonijiet tal-UE m’għandhomx jitilfu l-ħin biex jipproponu riformi sabiex iwittu t-triq għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta."

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu wkoll involuti aktar fis-Semestru Ewropew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Il-prinċipju tas-sħubija, li ilu tradizzjoni fil-governanza tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għandu jservi bħala pjan ta’ azzjoni għal mekkaniżmu tal-involviment effettiv tas-soċjetà ċivili. (mp)