L-UE teħtieġ aktar investiment pubbliku fl-infrastruttura tal-enerġija biex tiġġieled it-tibdil fil-klima

L-UE teħtieġ tindirizza l-kriżi klimatika permezz ta’ approċċ tripplu: il-mobilizzazzjoni tal-fondi, l-involviment taċ-ċittadini u tas-settur privat, u l-eżerċitar ta’ tmexxija politika b’saħħitha. Dan huwa l-messaġġ imwassal minn Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE adottata fil-plenarja ta’ Settembru.

L-Opinjoni, abbozzata minn Thomas Kattnig u Lutz Ribbe, tiddiskuti li sabiex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-elettriku u biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima, l-UE trid tinvesti aktar f’sistemi tal-enerġija intelliġenti u rinnovabbli u fl-infrastruttura tal-ħżin, u li kulħadd irid jagħti sehmu.

Skont il-federazzjoni tal-industrija Ewropea tal-elettriku, Eurelectric, l-UE trid tirdoppja l-investiment fil-grilja elettrika għal EUR 55 biljun fis-sena u żżid il-baġit għall-bini tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni nadifa għal EUR 75 biljun fis-sena.

“Neħtieġu investiment pubbliku enormi sabiex niksbu t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-għanijiet tal-klima. Dan huwa essenzjali sabiex niżguraw is-sigurtà tal-provvista, nindirizzaw il-faqar enerġetiku, inżommu l-prezzijiet affordabbli u noħolqu l-impjiegi”, qal is-Sur Kattnig.

Fir-rigward tal-organizzazzjoni futura tas-sistemi u l-infrastruttura tal-enerġija, il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb id-diżinn tas-suq tal-elettriku, u huwa bil-qawwa favur valutazzjonijiet tas-suq sabiex tiġi analizzata l-imġiba tal-atturi kollha potenzjali. “Sabiex jiġi diżinjat suq tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb, huwa importanti li l-Kummissjoni tivvaluta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sjieda pubblika u privata u/jew il-finanzjament privat tal-infrastruttura tal-enerġija,” qal is-Sur Ribbe.

Sabiex jiġi ffinanzjat l-investiment tal-infrastruttura, il-KESE jirrakkomanda li jitnaqqsu l-profitti żejda tal-kumpaniji tal-enerġija u tiġi applikata “regola tad-deheb” għal kwalunkwe proġett assoċjat mal-indipendenza tal-enerġija. (mp)