European Economic
and Social Committee
Jeħtieġ li l-UE tagħti prijorità lid-diplomazija dwar il-klima fil-politika tal-azzjoni esterna tagħha
Fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza li l-UE għandha tippromovi d-diplomazija dwar il-klima bħala politika ewlenija fl-azzjoni esterna tagħha. Hemm bżonn pjan strateġiku robust u kredibbli li jaġġusta d-diplomazija tal-UE dwar il-klima skont ix-xenarju ġeopolitiku attwali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Il-kriżi klimatika attwali issa hija ta’ natura eżistenzjali u għalhekk teħtieġ azzjoni immedjata, ġenwina u kuraġġuża. L-impjegaturi, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs jenfasizzaw li m’għadx hemm lok għall-kompjaċenza. Il-KESE jemmen li t-triq ’il quddiem hija li d-diplomazija dwar il-klima tingħata status ta’ azzjoni ewlenija tar-relazzjonijiet barranin tal-UE.
Stefano Mallia, membru tal-KESE u relatur tal-Opinjoni, enfasizza li: M’hemmx ħin x’nitilfu jekk irridu nevitaw li ssir ħsara irreparabbli. Id-diplomazija dwar il-klima hija diplomazija preventiva. Din hija r-raġuni għaliex hemm ħtieġa urġenti li naġġornaw id-diplomazija dwar il-klima, biex nagħmluha l-azzjoni ewlenija tal-affarijiet esterni u tal-politika barranija tal-UE
.
Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tadotta strateġija komprensiva għad-diplomazija dwar il-klima bi prijoritajiet fuq terminu qasir u twil u li tintegra l-azzjonijiet klimatiċi fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet esterni, inklużi s-sigurtà u d-difiża, il-kummerċ, l-investimenti, it-trasport, il-migrazzjoni, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-assistenza finanzjarja u teknika, il-kultura u s-saħħa.
Skont l-Opinjoni, id-diplomazija dwar il-klima m’għandhiex tkun biss parti mid-diplomazija bejn stat u ieħor; għandha sserraħ fuq l-involviment ta’ atturi oħra bħas-soċjetà ċivili, ir-reġjuni, il-bliet, in-negozji, it-trade unions, il-qasam akkademiku u l-esperti xjentifiċi li jinfluwenzaw l-istatus tat-tibdil fil-klima fl-aġenda politika.
Dawn ilkoll jistgħu jkunu aġenti tal-bidla għal tranżizzjoni klimatika ġenwina. Il-KESE jemmen li s-setgħa ta’ kollaborazzjoni bejn dixxiplini u setturi differenti se ġġib magħha riżultati aħjar u tiggwida d-dibattitu lejn l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet. Il-ħolqien ta’ Network ta’ Diplomazija tas-Soċjetà Ċivili jista’ jkun punt tat-tluq, flimkien mat-tisħiħ tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi.
Id-diplomazija tal-UE dwar il-klima u l-Patt Ekoloġiku Ewropew: politiki marbutin flimkien
Bl-implimentazzjoni effettiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fi ħdanha l-UE se jkollha l-kredibbiltà biex tinfluwenza u tispira lil oħrajn biex jibdew isegwu approċċ simili b’rabta mas-sostenibbiltà. Huwa għalhekk li l-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jiżguraw koordinazzjoni aħjar fost l-atturi tal-UE sabiex jallinjaw il-politiki rispettivi tagħhom mal-objettivi klimatiċi kif ukoll jaċċelleraw l-azzjoni domestika biex jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku.
Peress li mhux il-pajjiżi kollha għandhom l-istess kapaċitajiet finanzjarji u teknoloġiċi biex isegwu l-istess perkors “ekoloġiku”, l-UE għandha tiggwida u tiżviluppa perkorsi ta’ infrastruttura, finanzjament u governanza billi timmobilizza sorsi finanzjarji pubbliċi u privati biex tassisti lill-pajjiżi msieħba u lill-pajjiżi ġirien fil-ġestjoni tal-impatti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Kif qal ir-relatur għall-Opinjoni, Stefano Mallia: Jeħtieġ inwettqu analiżi interna biex nivvalutaw jekk aħniex kapaċi nilħqu l-miri li stabbilixxejna fi ħdan il-Patt Ekoloġiku. Ladarba jkollna l-affarijiet f’posthom, imbagħad għandna naħdmu mal-pajjiżi ġirien, inrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom, infasslu pjani ta’ tranżizzjoni ġusta u nappoġġjaw proġetti ta’ adattament u ġestjoni tar-riskju biex nipprevjenu u nnaqqsu r-riskji ta’ fraġilità
.
Work organisation
Downloads
-
EU needs to prioritise climate diplomacy in its external action policy