European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal regolamentazzjoni b’saħħitha u ssemplifikata tal-kriptoassi
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja żieda fir-regolamentazzjoni tal-kriptoassi, b’regoli robusti u koerenti biex l-investituri fl-UE jiġu protetti aħjar, f’konformità mal-miżuri attwali applikati għas-servizzi finanzjarji tradizzjonali.
Il-kriptoassi huma rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li jista’ jiġi ttrasferit, jinħażen jew jiġi nnegozjat elettronikament. Dawn la huma maħruġa u lanqas iggarantiti minn bank ċentrali jew awtorità pubblika. Jeżistu ħafna tipi ta’ assi bħal dawn, li jirrappreżentaw diversi sfidi u opportunitajiet għall-investituri, ir-regolaturi u s-settur finanzjarju.
F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja li tanalizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-kriptoassi, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar swieq fil-kriptoassi (MiCA) li jkun b’saħħtu u ssemplifikat.
Ir-Regolament MiCA għandu l-għan li jipproteġi lill-investituri u jippreserva l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jippermetti l-innovazzjoni u jagħmel is-settur aktar attraenti. Il-Proposta tipprevedi liċenzja obbligatorja għall-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi (CASPs) u għandha l-għan li tindirizza n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE.
Qafas
regolatorju għall-kriptoassi jeħtieġ li jkun konsistenti bejn il-ġuriżdizzjonijiet u mhux biss fl-UE. Standards imsejsa fuq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ħdan u barra l-UE biex jiġu protetti l-konsumaturi
, qal ir-relatur tal-KESE Philip Von Brockdorff.
Ċerti kwistjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati mir-Regolament MiCA, u għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-traċċar tat-tranżazzjonijiet u tiżgura li dawk li jużaw il-kriptoassi jew jinvestu fihom jikkonformaw mal-liġijiet tat-taxxa.
Regolamentazzjoni frammentata
Il-kriptoassi jirrappreżentaw għadd ta’ sfidi soċjali, politiċi u ekonomiċi. Dawn spiss jintużaw bħala mezz ta’ pagament għal attivitajiet kriminali, pereżempju għaċ-ċiberkriminalità. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) innota wkoll li l-kriptoassi qed jintużaw biex jiġu evitati s-sanzjonijiet imposti fuq l-oligarki Russi minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Ċerti pajjiżi tal-UE diġà daħħlu fis-seħħ regoli nazzjonali, li jwasslu għal frammentazzjoni regolatorja fi ħdan l-UE. Il-korelatur tal-KESE Louise Grabo qalet matul il-plenarja ta’ Settembru li, aħna nilqgħu r-Regolament MiCA li se jirregola l-CASPs, iżda aħna tal-fehma wkoll li l-kriptoassi huma fenomenu globali. Neħtieġu kollaborazzjoni globali u linji gwida biex nifhmu l-isfidi li qed niffaċċjaw, biex niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur, niżguraw l-istabbiltà finanzjarja u nimpedixxu l-frodi u l-ħasil tal-flus fis-sistema tal-kripto
.
L-informazzjoni qarrieqa u n-nuqqas ta’ trasparenza huma preokkupazzjonijiet oħra. Xi kriptoassi jiġu reklamati b’mod aggressiv bl-użu ta’ materjal xejn ċar, mhux preċiż jew deliberatament qarrieqi, li jpoġġi f’riskju b’mod partikolari l-investituri ż-żgħar u l-konsumaturi li jużaw il-kriptoassi għall-pagamenti jew għall-investiment. L-impronta ambjentali ta’ ċerti kriptoassi hija wkoll kwistjoni kbira.
Benefiċċji li għandhom jiġu sfruttati
Speċjalment għat-trasferimenti ta’ flus internazzjonali, il-kriptoassi għandhom spejjeż marbuta mat-tranżazzjonijiet ħafna aktar baxxi mill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tradizzjonali. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-blockchain, bħala t-teknoloġija sottostanti ewlenija għall-kriptoassi, tista’ tgħin biex jiġu indirizzati ċerti riskji eżistenti. L-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tal-konformità mat-taxxa, u b’hekk itejbu t-trasparenza u jnaqqsu l-frodi tat-taxxa u t-tranżazzjonijiet illeċiti. Il-KESE jemmen li tali żviluppi jistgħu jimmotivaw ukoll lill-banek biex jikkooperaw fi ħdan l-ekosistema tal-blockchain, u b’hekk ikunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni permezz ta’ pjattaforma bbażata fuq il-blockchain għall-finanzjament tal-kummerċ.
Il-KESE jappoġġja wkoll rwol b’saħħtu għall-BĊE fil-monitoraġġ tas-suq tal-kriptoassi, l-impatt fuq il-politika monetarja u riskji ulterjuri marbutin ma’ din il-klassi ta’ assi finanzjarji, pereżempju għall-istabbiltà finanzjarja.