European Economic
and Social Committee
Il-Kompetittività: sfida kbira għall-Kummissjoni von der Leyen li jmiss
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem feraħ lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen talli reġgħet ġiet eletta f’Lulju u laqa’ l-linji gwida politiċi tagħha. Dawn il-linji gwida jimmarkaw bidla sinifikanti lejn l-indirizzar tal-isfida tal-kompetittività li qed tikkrolla, waqt li jirrikonoxxu li din hija kwistjoni kritika importanti daqs it-tibdil fil-klima u s-sigurtà.
Il-kompetittività u l-prosperità huma finalment prijoritajiet ewlenin. Il-Pjan għall-Prosperità Ewropea l-ġdid għandu l-għan li jiffaċilita l-operazzjonijiet tan-negozju fl-Ewropa, japprofondixxi s-Suq Uniku u jagħti spinta lill-produttività permezz ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji. Nilqgħu b’mod partikolari l-enfasi fuq l-iffaċilitar tal-ħajja għan-negozji billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni u billi Viċi President jikkoordina dan l-aspett.
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE ilu jappella għal dan l-approċċ, kif jidher ċar mill-prijoritajiet tagħna: Nixprunaw il-Prosperità għal Kulħadd: Aġenda dwar il-Kompetittività għall-UE u aħna ħerqana li nikkollaboraw dwar l-allinjament tal-implimentazzjoni mal-kundizzjonijiet tad-dinja reali. Il-kompetittività tal-UE ilha taħt theddida serja għal xi żmien. Waqt li l-Ewropa għadha waħda mill-aktar reġjuni innovattivi, siguri u prosperi, qed taqa’ lura mill-Istati Uniti u qed titlef il-pożizzjoni tagħha fil-konfront taċ-Ċina fuq diversi metriċi ewlenin, bħat-tkabbir tal-PDG per capita, fejn l-Istati Uniti ilhom bi prestazzjoni aqwa minn dik tal-Ewropa għal dawn l-aħħar għaxar snin. Sinjali ta’ twissija aktar granulari ta’ din ix-xejra jinkludu l-għadd ta’ privattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-livelli ta’ investiment dirett barrani (IDB).
Din hija r-raġuni għaliex nilqgħu b’mod partikolari l-prijoritajiet li ġejjin fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss:
- Kontroll tal-kompetittività mġedded u Ftehim Interistituzzjonali dwar is-simplifikazzjoni u t-tfassil aħjar tal-liġijiet
- Investiment imsaħħaħ sew ma’ Unjoni Ewropea tat-Tfaddil u l-Investimenti
- Żieda fl-infiq fuq ir-riċerka biex issir enfasi fuq prijoritajiet strateġiċi, riċerka rivoluzzjonarja u eċċellenza xjentifika
- L-istabbiliment ta’ status legali ġdid fl-UE kollha biex jgħin lill-kumpaniji innovattivi jikbru
- Patt għal Industrija Nadifa biex isir investiment fl-infrastruttura u fl-industrija, u biex b’hekk jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u jiġu appoġġjati kumpaniji fl-isforzi tagħhom ta’ ekoloġizzazzjoni.