Tħabbru l-finalisti tal-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika 2024: 24 proġett minn 12-il pajjiż tal-UE fi tmien kategoriji. Ir-rebbieħa se jitħabbru f’ċerimonja fi Brussell fit-23 ta’ Settembru, li se ssir flimkien maċ-ċelebrazzjonijiet annwali tal-Jum Organiku tal-UE. 

Il-premjijiet, li jsiru għat-tielet darba, jippremjaw proġetti li huma innovattivi u sostenibbli u li jżidu valur sinifikanti għall-produzzjoni u l-konsum organiku. Jipprovdu lir-rebbieħa bi pjattaforma biex jippreżentaw il-prattiki tajbin tagħhom lil udjenza usa’. 

Il-premjijiet huma organizzati mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, COPA-COGECA u IFOAM Organics Europe, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE. Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn seba’ membri nominati minn dawn il-korpi. 

Il-finalisti jinkludu: 

  • L-aqwa bidwi organiku (mara): Blagovesta Vasilieva (Bulgarija), Caroline Devillers (Belġju), Reinhild Frech-Emmelmann (Awstrija) 
  • L-aqwa bidwi organiku (raġel): Gianpaolo Mancini (Italja), Tommi Hasu (Finlandja), Benny Schöpf (Ġermanja) 
  • L-aqwa reġjun organiku: Comunidade Intermunicipal do Alto Tâmega e Barroso (Portugall), Castilla - La Mancha (Spanja), South Savo (Finlandja) 
  • L-aqwa belt organika: BioStadt Bremen (Ġermanja), Cascais (Portugall), Las Rozas (Spanja) 
  • L-aqwa “bijodistrett” organiku: Distretto del Cibo Monregalese (Italja), Bioregião de S. Pedro do Sul (Portugall), Sörmland Bio-district (Żvezja) 
  • L-aqwa SME li tipproċessa ikel organiku: Biologon GmbH (Awstrij), Gino Girolomoni Cooperativa Agricola (Italja), Organic veggie food GmbH (Ġermanja) 
  • L-aqwa bejjiegħ bil-imnut tal-ikel organiku: BIOGAST GmbH (Awstrija), Coolanowle Organic Meats (Irlanda), SAiFRESC (Spanja) 
  • L-aqwa ristorant/servizz tal-ikel organiku: B2 Bio pur GmbH (Ġermanja), Biohotel St. Daniel (Slovenja), Kalf & Hansen (Żvezja) 

Il-produzzjoni organika fl-UE tkopri 17-il miljun ettaru (10.5% tal-art agrikola tal-UE fl-2022), u l-għan huwa li tintlaħaq il-mira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ta’ 25% sal-2030. Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u fid-domanda tal-konsumaturi huma kruċjali. Il-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika, stabbiliti fl-2022 bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika, jirrikonoxxu l-eċċellenza tul il-katina tal-valur organiku, mill-biedja għas-servizzi tal-ikel, u jtejbu l-viżibbiltà u l-għarfien tal-prattiki organiċi. (ks)