Is-seminar Connecting EU 2024 ġie organizzat bl-appoġġ tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu. Il-Premju, mogħti mill-Parlament Ewropew f’Ottubru ta’ kull sena, jirrikonoxxi ġurnaliżmu investigattiv kuraġġuż. Skopri aktar dwar il-premju u ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-2024 li se ssir fit-23 ta’ Ottubru!

F’daqqa t’għajn

Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu tnieda fl-2021 bħala ġieħ lill-ġurnalista u l-blogger Maltija assassinata fl-2017. Huwa jippremja, fuq bażi annwali, xogħlijiet ġurnalistiċi eċċellenti li jirriflettu l-prinċipji u l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Ir-rebbieħ tal-2024 se jitħabbar fiċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni li se ssir fis-6pm tat-23 ta’ Ottubru fil-Parlament Ewropew (PE) fi Strasburgu. Tista’ ssegwiha b’mod dirett hawnhekk. Ġurija indipendenti mill-Ewropa kollha, magħmula minn ġurnalisti u esperti tal-komunikazzjoni, għażlet 13-il xogħol ġurnalistiku finalist.

Il-Viċi President tal-PE Pina Picierno (responsabbli għall-Premju) se tilqa’ lill-parteċipanti, u se tagħti l-kelma lill-President tal-PE Roberta Metsola għad-diskors tal-ftuħ tagħha. Membru tal-ġurija mbagħad jipprovdi ħarsa ġenerali tal-Premju, u wara t-trofew jingħata lir-rebbieħ minn rappreżentant tar-rebbieħa tas-sena l-oħra.

Retrospettiva

Fl-edizzjoni inawgurali tiegħu, il-Premju ngħata lil “The Pegasus Project”, ikkoordinat mill-konsorzju Forbidden Stories u, fl-2022, ir-rebbieħa kienu Clément Di Roma u Carol Valade, għal dokumentarju dwar “Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt l-Influwenza Russa”. Fl-2023, rebħu l-Premju l-investigazzjoni konġunta dwar in-nawfraġju tal-migranti f’Pylos, mill-istabbiliment investigattiv Grieg Solomon, f’kollaborazzjoni ma’ Forensis, ix-xandar pubbliku Ġermaniż StrgF/ARD u l-gazzetta Brittanika The Guardian.

Seminar għall-Istampa

Qabel iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni, l-Unità tas-Servizzi għall-Midja tal-Parlament Ewropew se torganizza seminar għall-istampa dwar “Is-salvagwardja tal-libertà tal-media” (23 ta’ Ottubru, 3pm). Madwar 65 ġurnalist huma mistennija jattendu, u se jieħdu sehem f’diskorsi u diskussjonijiet siewja fil-preżenza ta’ Matthew Caruana Galizia, ġurnalista u iben Daphne Caruana Galizia.

Il-programm se jinkludi testimonjanzi minn ġurnalisti li ffaċċjaw theddid fil-linja tax-xogħol tagħhom. Waħda minnhom hija Stefania Battistini, ġurnalista Taljana li reċentement żdiedet mal-lista tar-Russja ta’ persuni mfittxijin wara r-rappurtaġġ tagħha dwar il-gwerra. Is-seminar se jixxandar fuq l-internet hawnhekk.