European Economic
and Social Committee
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew japprova ftehim li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali tal-Etika
Fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-25 ta’ April, il-KESE approva l-ftehim li jistabbilixxi korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi. Il-ftehim il-ġdid ġie ffirmat formalment mir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet u l-korpi parteċipanti tal-UE fil-15 ta’ Mejju. Mistenni jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju, l-ewwel jum tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej.
Il-ftehim huwa pass sinifikanti, peress li jgħin biex tingħata spinta lill-kultura komuni ta’ integrità u etika.
Il-korp il-ġdid tal-UE se jiżviluppa, jaġġorna u jinterpreta l-istandards minimi komuni għall-imġiba etika, u jippubblika rapporti dwar kif dawn l-istandards ġew riflessi fir-regoli interni ta’ kull istituzzjoni u korp parteċipanti tal-UE.
Minbarra l-KESE, is-seba’ istituzzjonijiet u korpi tal-UE li ġejjin se jkunu parti mill-korp tal-etika l-ġdid: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
Kull istituzzjoni parteċipanti se tkun rappreżentata minn membru anzjan wieħed u l-pożizzjoni ta’ president tal-korp tinbidel bejn l-istituzzjonijiet fuq bażi annwali.
Ħames esperti indipendenti se jappoġġjaw il-ħidma tal-korp billi jipprovdu opinjonijiet fuq talba. Kwalunkwe parti għall-ftehim se tkun tista’ tikkonsultahom dwar dikjarazzjonijiet individwali standardizzati bil-miktub, inklużi dikjarazzjonijiet ta’ interess. (mp)