Mara minn kull għaxar nisa tgħix f’faqar kbir. Mara minn kull tlieta tesperjenza vjolenza. Qed naraw reazzjoni negattiva dejjem tikber kontra d-drittijiet tan-nisa fid-dinja, inkluż fl-UE. Peress li l-elezzjonijiet Ewropej qed joqorbu ġmielhom u dalwaqt se tiġi fformata Kummissjoni Ewropea ġdida, l-appoġġ istituzzjonali u tas-soċjetà ċivili kontinwu se jkun kruċjali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet.

Fil-25 ta’ April, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) organizza dibattitu f’sessjoni plenarja ma’ xi wħud mill-organizzazzjonijiet ewlenin tal-UE favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex tiġi enfasizzata l-ħtieġa urġenti li nkomplu nagħtu spinta lid-drittijiet tan-nisa fil-mandat li jmiss tal-UE.

Id-dibattitu sar jum wara li l-Parlament Ewropew approva l-ewwel Direttiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u t-tema tad-dibattitu kienet il-konklużjonijiet tat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (UNCSW68). Il-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa hija l-forum internazzjonali ewlieni fid-dinja għall-valutazzjoni tal-progress fil-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u din is-sena ffokat fuq il-faqar fost in-nisa.

Il-KESE kkontribwixxa għall-UNCSW68, li saret f’Marzu fi New York, b’dikjarazzjoni intitolata Lenti tal-ġeneru dwar il-faqar, li tinkludi 10 punti ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika u l-protezzjoni soċjali tan-nisa.

“Il-faqar mhuwiex newtrali għall-ġeneru, allura lanqas aħna ma nistaw nirreaġixxu għalih b’mod newtrali. Il-vjolenza mwettqa kontra n-nisa għandha impatt fuq ir-riskju tal-faqar tan-nisa u l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fuq bażi ugwali fis-suq tax-xogħol. Għalhekk nista’ biss nilqa’ l-votazzjoni finali fil-Parlament Ewropew dwar l-ewwel Direttiva li qatt tfasslet għall-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fil-livell Ewropew,” qal il-President tal-KESE, Oliver Röpke.

L-azzjoni konċertata fil-livelli kollha kisbet għadd ta’ stadji importanti matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni, bħad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi u l-Istrateġija għall-Kura, qal Lanfranco Fanti, membru tal-Kabinett tal-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli.

Il-parteċipanti fid-dibattitu appellaw għal konfigurazzjoni speċjalizzata tal-Kunsill tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, koordinatur tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u mandat imġedded għall-Kummissarju għall-Ugwaljanza.

“Neħtieġu appoġġ politiku mill-UE,” qalet Florence Raes, Direttur ta’ UN Women Brussels. Minkejja l-progress reali fil-qasam tal-ugwaljanza, id-drittijiet tan-nisa qed jiġu pperikolati b’mod mingħajr preċedent u hemm periklu dejjem jikber li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tista’ titneħħa mil-lista ta’ prijoritajiet.

“Li tkun mara u membru ta’ grupp ta’ minoranza jfisser li se tbati. Irridu niftakru li l-ugwaljanza m’għadhiex biżżejjed: l-ugwaljanza teħtieġ intersezzjonalità,” qalet Ilaria Todde, Direttur tal-Promozzjoni ta’ Eurocentralasian Lesbian Community.

“Il-vjolenza kontra n-nisa għandha għeruq fondi fis-sistemi patrijarkali fid-dinja kollha. Illum infaħħru l-adozzjoni tal-ewwel Direttiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika,” qalet Mary Collins, Direttur tal-Lobby Ewropew tan-Nisa. (ll)