Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ħareġ rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar is-Semestru Ewropew 2025 – Pakkett tal-Ħarifa, li jħeġġu investimenti strateġiċi u kooperazzjoni aktar b’saħħitha biex jissaħħu r-reżiljenza u l-kompetittività tal-UE.

Il-KESE ressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu fi Frar, fejn għamel enfasi fuq is-sostenibbiltà, ir-riformi tas-suq tax-xogħol u allinjament aħjar bejn il-politiki nazzjonali u tal-UE, waqt li appella għal involviment akbar tas-soċjetà ċivili.

Il-KESE ddispjaċih għan-nuqqas tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, dokument ta’ politika kruċjali. Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jħejju għar-riskji ġeopolitiċi li jaffettwaw il-kummerċ, l-inflazzjoni u t-tkabbir.

Il-KESE ta l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva Boxxla għall-Kompetittività u appella għal investimenti fis-setturi tal-enerġija u diġitali, inkluż Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Barra minn hekk, appella għal parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tas-soċjetà ċivili, rieżami prammatiku tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), u kooperazzjoni msaħħa tal-Istati Membri biex jittejbu l-politiki ekonomiċi u l-produttività. (tk)