European Economic
and Social Committee
Tliet snin mill-bidu tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: Niddefinixxu l-futur ġeopolitiku tal-UE
“Aħna u nfakkru t-tielet anniversarju tal-gwerra ta’ aggressjoni brutali u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna – attakk mhux biss fuq nazzjon sovran iżda fuq il-valuri fundamentali tad-demokrazija, id-dinjità tal-bniedem u l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli – nesprimu solidarjetà mal-poplu Ukren”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke f’dikjarazzjoni maħruġa fis-sessjoni plenarja tal-KESE fi Frar.
Sa mill-ewwel jum ta’ din l-invażjoni, appoġġajna lill-Ukrajna – mhux biss simbolikament, iżda b’azzjoni konkreta. Illum, naffermaw mill-ġdid l-impenn sod tagħna li nappoġġjaw is-sovranità, id-demokrazija u l-futur Ewropew tal-Ukrajna. Nappellaw lill-UE biex issostni u ssaħħaħ l-appoġġ politiku, ekonomiku, umanitarju u militari tagħha.
Il-poplu Ukren wera kuraġġ u reżiljenza straordinarji fid-difiża ta’ pajjiżu u l-prinċipji li jorbtuna flimkien bħala Ewropej. Sa mill-ewwel jum ta’ din l-invażjoni, il-KESE, il-membri tiegħu u s-soċjetà ċivili Ewropea li jirrappreżenta appoġġjaw lill-Ukrajna – mhux biss simbolikament iżda b’azzjoni konkreta.
Fi żmien ta’ inċertezza ġeopolitika li qed tikber, id-dikjarazzjonijiet reċenti mir-rappreżentanti tal-Istati Uniti li jiddubitaw l-impenn kollettiv ta’ difiża tan-NATO huma allarmanti ħafna. L-Ewropa ma tistax tkun kompjaċenti.
L-Ukrajna qed tiġġieled mhux biss għas-sopravivenza tagħha iżda għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew kollu.
Il-KESE jħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE jaħtfu dan il-mument biex isaħħu l-kapaċitajiet Ewropej ta’ sigurtà u difiża, jiddefinixxu mill-ġdid l-awtonomija strateġika, jiddefendu l-multilateraliżmu u japprofondixxu l-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti, u fl-istess ħin isawru sħubijiet globali aktar b’saħħithom ma’ alleati demokratiċi lil hinn mill-Ewropa.
L-Ewropa trid taġixxi issa.
M’hemmx lok għal indeċiżjoni. L-awtokrati u l-aggressuri jiffjorixxu sforz l-eżitazzjoni tal-oħrajn.
Id-demokraziji jridu jkunu magħquda u sodi.
Il-KESE jistieden lill-UE ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, tiddefendi kemm id-demokrazija kif ukoll id-drittijiet fundamentali, u tappoġġja b’determinazzjoni lill-Ukrajna. Issa wasal iż-żmien biex l-UE tieħu azzjoni ġeopolitika strateġika.
Tista’ taqra l-istqarrija għall-istampa hawnhekk. (at)