Minn Katrīna Leitāne, President tal-Grupp taż-Żgħażagħ tal-KESE

L-interessi taż-żgħażagħ mhumiex rappreżentati biżżejjed fit-tfassil tal-politika fuq livell globali, iżda huma jinsabu lesti, għandhom ir-rieda u kapaċi jikkontribwixxu. L-inklużjoni tal-perspettivi taż-żgħażagħ fir-riżultati tal-KESE se twassal għal politiki tal-UE aktar rappreżentattivi u reżiljenti. Bħala d-dar tas-soċjetà ċivili Ewropea, il-KESE għandu jkun l-istituzzjoni ewlenija tal-UE li tirrappreżenta leħen iż-żgħażagħ. 

Il-KESE, issa ilu snin jaħdem fuq kif jista’ jintegra aħjar leħen iż-żgħażagħ Ewropej fil-ħidma tiegħu, u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Il-Grupp taż-Żgħażagħ tal-KESE twaqqaf sena ilu biex jifformalizza l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Permezz tal-Opinjoni dwar it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE, ippubblikata f’Settembru 2022, il-KESE sar l-ewwel istituzzjoni tal-UE li impenjat ruħha biex timplimentah. F’April 2024, il-KESE għamel avvanz kbir ieħor billi approva l-metodoloġija għall-implimentazzjoni tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-KESE

It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE huwa għodda mfassla biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika. Dan jinkludi konsultazzjoni, valutazzjoni tal-impatt u miżuri ta’ mitigazzjoni. Fil-KESE, dan ifisser li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ se jinvolvu ruħhom mal-membri tal-KESE waqt li jabbozzaw għadd ristrett ta’ Opinjonijiet. B’mod konkret, ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ se jipparteċipaw f’laqgħat u seduti, jipprovdu kontributi bil-miktub, u possibbilment isegwu l-adozzjoni tal-Opinjonijiet. Għal kull Opinjoni se jkollna rappreżentant taż-żgħażagħ wieħed li se jaħdem f’isem l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ interessati kollha. 

Bħalissa, l-inizjattiva tinsab fil-fażi ta’ implimentazzjoni tagħha. F’Ġunju ta’ din is-sena, saret sejħa miftuħa biex l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ japplikaw biex jieħdu sehem u l-KESE rċieva aktar minn 100 applikazzjoni. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ eliġibbli se jiġu infurmati regolarment dwar l-Opinjonijiet li jkun imiss, u se jintalbu jekk jixtiqux jaħdmu fuq kwalunkwe Opinjoni futura. Fl-aħħar nett, il-Bureaux tas-sezzjonijiet/tas-CCMI se jiddeċiedu liema Opinjonijiet se jgħaddu mit-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-KESE. 

L-esperjenzi minn proġett pilota ta’ suċċess kbir għenu lill-Grupp taż-Żgħażagħ iħejji din il-metodoloġija. Kull waħda mis-sezzjonijiet tal-KESE/CCMI għażlet Opinjoni waħda u involviet b’suċċess total ta’ 20 rappreżentant taż-żgħażagħ. Is-suġġetti ta’ dawn l-Opinjonijiet kienu varjati, mis-Semestru Ewropew sad-difiża tad-demokrazija. 

Il-Grupp taż-Żgħażagħ tal-KESE qed jaħdem biex isib l-aħjar mod kif l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu involuti b’mod sinifikanti. Il-pass li jmiss huwa li nibdew nimplimentaw l-inizjattiva, nirreveduha u ntejbuha regolarment hekk kif nimxu ’l quddiem!

Jekk tixtieq tkun taf aktar, jekk jogħġbok żur il-paġna web tagħna Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-KESE, jew ikkuntattja lis-segretarjat fuq youtheesc@eesc.europa.eu