Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’90 % sal-2040, bil-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) approva dan l-għan matul il-plenarja tiegħu ta’ Mejju, u enfasizza li dawn l-għanijiet huma allinjati mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 gradi Celsius. 

Billi offra l-appoġġ tiegħu, il-KESE enfasizza l-importanza li jingħata kontribut ġust għall-isforzi klimatiċi globali u fl-istess ħin tiġi żgurata wkoll il-kompetittività tal-industriji Ewropej matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Teppo Säkkinen, relatur tal-Opinjoni dwar Mira Klimatika tal-UE għall-2040, enfasizza l-ħtieġa għal sistema tal-elettriku mingħajr karbonju sal-2040 biex tixpruna d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, tat-trasport u tal-bini, u jappella għal tnaqqis ġenwin tal-emissjonijiet billi jiġu eliminati gradwalment il-fjuwils fossili. 

Il-KESE wissa kontra d-dipendenza żejda mill-assorbiment tal-karbonju, minħabba riskji bħan-nirien fil-foresti u l-pesti, u ħeġġeġ approċċ ibbilanċjat bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-assorbiment tal-karbonju. Il-fażi li jmiss tal-politika tal-UE dwar il-klima għandha tiffoka fuq l-investiment, il-ħolqien ta’ ekonomija robusta, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-kisba tal-mira għall-2030 li l-emissjonijiet jitnaqqsu b’55 % u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %” huma kruċjali għal dan. 

Il-KESE jipprevedi settur li jiġġenera l-enerġija mingħajr karbonju sal-2040, segwit minn tisħin u tkessiħ dekarbonizzati. L-enerġija nadifa u affordabbli hija essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, tal-bini u tat-trasport. 

Il-KESE ssuġġerixxa wkoll mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur agroalimentari, żviluppata permezz ta’ djalogu mal-bdiewa u mal-partijiet ikkonċernati biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, u filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet naturali differenti madwar l-UE. 

L-appoġġ pubbliku u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huma kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-2040. Għalhekk, il-KESE jappella għal djalogu wiesa’, inkluż mal-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini, fl-istabbiliment ta’ miri u fl-iżvilupp ta’ politiki. 

Bit-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva tal-UE għall-mira tal-2040, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal kontroll komprensiv tal-kompetittività ma’ ekonomiji ewlenin oħra biex tinżamm il-kompetittività globali u l-bażi industrijali tal-Ewropa, filwaqt li jiġu rispettati standards ambjentali u soċjali għoljin. (ks)