European Economic
and Social Committee
Negħlbu l-kanċer bit-tilqim
Bl-għadd ta’ kanċers u mwiet relatati mal-kanċer madwar l-UE qed jiżdied b’rata allarmanti, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappella għal miżuri tant meħtieġa għall-prevenzjoni tal-kanċer, peress li madwar 40 % tal-każijiet tal-kanċer jitqiesu li jistgħu jiġu evitati.
Fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Mejju, il-KESE adotta Opinjoni li tilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kanċers li jistgħu jiġu evitati bil-vaċċini bħala inizjattiva ta’ segwitu għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer (il-Pjan dwar il-Kanċer).
L-Opinjoni tiffoka fuq it-tilqim kontra l-papillomaviruses umani (HPV) u l-epatite B (HBV), peress li t-tilqim jista’ jipprevjeni diversi tipi ta’ kanċers ikkawżati minn dawn il-viruses.
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal informazzjoni, edukazzjoni u komunikazzjoni adatti li jħeġġu lill-gruppi fil-mira biex jitlaqqmu. Jenfasizza wkoll ir-rwol importanti li għandhom il-prattikanti ġenerali, it-tobba tal-familja, it-tobba tal-iskola u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan l-isforz.
Milena Angelova, relatur tal-Opinjoni dwar Il-kanċers li jistgħu jiġu evitati bil-vaċċini qalet: “Irridu niġġieldu l-istigma u t-twemmin falz madwar il-vaċċini. Pereżempju, hemm dan it-twemmin żbaljat li t-tilqim huwa biss għall-bniet żgħar. Iżda dan mhuwiex il-każ. Sabiex neqirdu dawn il-viruses (HPV, HBV), irridu wkoll ninvolvu lis-subien u lill-ġenituri tagħhom”. Il-vaċċini jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
Huwa estremament importanti “li titreġġa’ lura t-tendenza għax-xettiċiżmu”, żiedet il-korelatur Sára Felszeghi. Il-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni hija parti ewlenija biex in-nies jitħeġġu jitlaqqmu.
Il-KESE jappella għal approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-kanċer, b’sistema integrata u li tiffunzjona tajjeb għall-forom kollha ta’ prevenzjoni, inklużi l-prevenzjoni primarja (tilqim, stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa), il-prevenzjoni sekondarja (skrinjar) u l-prevenzjoni terzjarja (kura u riabilitazzjoni).
Is-Sinjura Angelova affermat mill-ġdid “il-ħtieġa li l-Istati Membri jikkoordinaw aktar u jiskambjaw l-aħjar prattiki” sabiex ikunu ħafna aktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-kanċer u jżidu l-kopertura tat-tilqim madwar l-UE. Huwa ta’ importanza kbira li l-prevenzjoni tal-kanċer titqies bħala prijorità politika. (sg)