Peress li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda qed jiżdiedu b’rata allarmanti, is-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet qed jingħaqdu flimkien u qed iżidu l-azzjoni kontra l-forom kollha ta’ mibegħda, biex jibagħtu l-messaġġ li ma hemm l-ebda post għall-mibegħda fl-UE. 

Il-KESE qed jingħaqad mal-isforzi tal-UE biex trażżan il-mibegħda fl-UE, li rat żieda allarmanti, bi gruppi u individwi dejjem aktar fil-mira minħabba l-fidi, l-oriġini razzjali jew etnika, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin politiku tagħhom. 

Il-KESE, flimkien maċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet, huwa impenjat li jagħmel aktar biex jiġġieled il-mibegħda kemm online kif ukoll offline, qal matul dibattitu ta’ livell għoli fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Mejju, fejn adotta l-Opinjoni L-ebda post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda li tiddenunzja l-forom kollha ta’ mibegħda u tilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istess suġġett. 

“Ilkoll kemm aħna għandna responsabbiltà biex niġġieldu l-mibegħda”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke, waqt li fetaħ id-dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-KESE. “Biex nindirizzawha b’mod effettiv, irridu naħdmu flimkien – il-politiċi, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini. Huwa biss flimkien u fi djalogu li nistgħu niddominaw u niġġieldu kontra l-ostilità dejjem tikber fis-soċjetà tagħna, li hija theddida reali għad-demokrazija tagħna.”

Id-dibattitu laqqa’ flimkien uffiċjali ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea u tal-gvern Belġjan u rappreżentanti taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi ILGA-Europe u n-Network Ewropew Kontra r-Razziżmu (ENAR)) li enfasizzaw iż-żieda fil-mibegħda u l-vjolenza. 

L-attakki reċenti fuq politiċi kixfu diviżjonijiet profondi fis-soċjetà Ewropea. Iċ-ċifri juru li messaġġi anti-Musulmani u anti-Semitiċi rduppjaw fl-2023. Il-miri komuni huma l-LGBTQIA+, il-persuni ta’ dixxendenza Afrikana u l-migranti. Hemm ammont kbir ta’ misoġenija wkoll. Analiżi reċenti tal-messaġġi online fl-UE turi li kien hemm żieda ta’ 30% fit-tossiċità tal-mibegħda sa mill-bidu tal-2023. 

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar L-ebda post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda hija sejħa għal azzjoni sabiex nieqfu kontra l-mibegħda u nsemmgħu leħinna favur it-toleranza u r-rispett. 

“Il-valuri stabbiliti fit-Trattat tal-UE jipprojbixxu b’mod ċar reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda. Sfortunatament, rajna żieda fit-tnejn li huma", qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni għad-Demokrazija u d-Demografija Dubravka Šuica.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE stieden lill-UE tadotta approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-mibegħda abbażi ta’ kwalunkwe karatteristika umana protetta, u tuża l-istess approċċ biex “tiġġieled it-tipi kollha ta’ mibegħda”. (ll)