Copyright: Polish Presidency. Council of the European Union

Fl-1 ta’ Jannar, il-Polonja ħadet it-tmun tal-Kunsill tal-UE mill-Ungerija u, għalhekk, ser ikollha l-presidenza tal-Kunsill matul l-ewwel sitt xhur tas-sena. Il-Presidenza Pollakka se tibda fi żmien trasformattiv għall-Ewropa, li jikkoinċidi mal-bidu tal-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. 

Fid-dawl tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna li qed tkompli bla heda, u tensjonijiet ġeopolitiċi daqs qatt qabel fl-istorja reċenti tal-Ewropa, il-Polonja qed tiffoka l-prijoritajiet tagħha fuq it-tema ġenerali tas-sigurtà. Dan jinkludi s-sigurtà esterna, interna, ekonomika, tal-enerġija, tal-ikel u tas-saħħa, kif ukoll l-iżgurar tal-istat tad-dritt.

Dawn il-prijoritajiet jirriflettu tajjeb l-impenn tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jrawwem il-koeżjoni, iħares il-valuri demokratiċi, u jiżgura prosperità stabbli. “Fil-KESE, aħna kburin li aħna msieħeb affidabbli u koinvolt tal-Presidenza Pollakka, u nimpenjaw ruħna li naqdu rwol attiv fit-tfassil tal-prijoritajiet politiċi li ser jiddefinixxu dan iċ-ċiklu Ewropew ġdid”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.

Fuq talba tal-Presidenza Pollakka, il-KESE se jabbozza 14-il Opinjoni esploratorja. Ikkonsulta l-fuljett il-ġdid tagħna u skopri aktar dwarhom u ħidma oħra tal-KESE matul l-ewwel nofs tal-2025. Tista’ tiskopri wkoll min huma l-membri Pollakki tal-KESE u liema organizzazzjonijiet jirrappreżentaw. Il-fuljett huwa disponibbli esklużivament online bl-Ingliż, bil-Pollakk, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. (ll)