Fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza li l-UE għandha tippromovi d-diplomazija dwar il-klima bħala politika ewlenija fl-azzjoni esterna tagħha. Hemm bżonn pjan strateġiku robust u kredibbli li jaġġusta d-diplomazija tal-UE dwar il-klima skont ix-xenarju ġeopolitiku attwali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Il-KESE jemmen li t-triq ’il quddiem hija li d-diplomazija dwar il-klima tingħata status ta’ azzjoni ewlenija tar-relazzjonijiet barranin tal-UE.

Il-Presdient tal-Grupp tal-KESE ta’ Min Iħaddem u relatur tal-Opinjoni, Stefano Mallia, enfasizza li: “M’hemmx ħin x’nitilfu jekk irridu nevitaw li ssir ħsara irreparabbli. Id-diplomazija dwar il-klima hija diplomazija preventiva. Din hija r-raġuni għaliex hemm ħtieġa urġenti li naġġornaw id-diplomazija dwar il-klima, biex nagħmluha l-azzjoni ewlenija tal-affarijiet esterni u tal-politika barranija tal-UE.”

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tadotta strateġija komprensiva għad-diplomazija dwar il-klima bi prijoritajiet fuq terminu qasir u twil u li tintegra l-azzjonijiet klimatiċi fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet esterni, inklużi s-sigurtà u d-difiża, il-kummerċ, l-investimenti, it-trasport, il-migrazzjoni, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-assistenza finanzjarja u teknika, il-kultura u s-saħħa.

Bl-implimentazzjoni effettiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fi ħdanha l-UE se jkollha l-kredibbiltà biex tinfluwenza u tispira lil oħrajn biex jibdew isegwu approċċ simili b’rabta mas-sostenibbiltà. Huwa għalhekk li l-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jiżguraw koordinazzjoni aħjar fost l-atturi tal-UE sabiex jallinjaw il-politiki rispettivi tagħhom mal-objettivi klimatiċi kif ukoll jaċċelleraw l-azzjoni domestika biex jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku.

Kif qal ir-relatur għall-Opinjoni, Stefano Mallia: “Jeħtieġ inwettqu analiżi interna biex nivvalutaw jekk aħniex kapaċi nilħqu l-miri li stabbilixxejna fi ħdan il-Patt Ekoloġiku. Ladarba jkollna l-affarijiet f’posthom, imbagħad għandna naħdmu mal-pajjiżi ġirien, inrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom, infasslu pjani ta’ tranżizzjoni ġusta u nappoġġjaw proġetti ta’ adattament u ġestjoni tar-riskju biex nipprevjenu u nnaqqsu r-riskji ta’ fraġilità”. (mt)