Ir-rikonsiderazzjoni strateġika tas-suq uniku tal-UE issa hija neċessità. Id-dinja mhijiex l-istess kif kienet 30 sena ilu — is-suq uniku jeħtieġ li jiġi adattat għax-xenarju internazzjonali l-ġdid, qal l-ex-kap tal-gvern Taljan Enrico Letta waqt id-dibattitu tas-sessjoni plenarja tal-KESE fl-20 ta’ Marzu 2024.

Waqt li ppreżenta l-idea ewlenija wara r-Rapport ta’ Livell Għoli tiegħu dwar il-Futur tas-Suq Uniku, is-Sur Letta, il-president attwali tal-Istitut Jacques Delors, enfasizza li s-suq uniku futur jeħtieġ li jkollu approċċ ġeopolitiku u jiffoka fuq l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u pilastri bħad-difiża, it-telekomunikazzjoni, l-enerġija u l-finanzi.

“Ix-xenarju ġeopolitiku issa huwa totalment differenti minn dak li kien 30 sena ilu. Il-missjoni llum hija li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi tax-xenarju dinji l-ġdid għas-suq uniku u l-futur tiegħu. Jeħtieġ li jkollna approċċ ġdid u ninkludu kwistjonijiet bħad-difiża u t-tkabbir,” qal.

Il-President tal-KESE Oliver Röpke enfasizza li s-suċċess tas-suq uniku ma jistax jitkejjel biss f’termini ekonomiċi, iżda jrid jirrifletti wkoll it-tamiet u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej: “Fil-KESE, aħna nemmnu li s-suq uniku huwa fundamentalment dwar in-nies – u d-dritt li wieħed jiċċaqlaq ifisser ukoll il-libertà li wieħed jibqa’.”

Is-Sur Letta indika li s-suq uniku kien kemm dwar in-nies kif ukoll għan-nies. Il-kompetittività ekonomika trid timxi id f’id mal-protezzjoni soċjali, u l-libertà li wieħed jiċċaqlaq u l-libertà li wieħed jibqa’ huma parti mill-istess libertà: “L-eżodu tal-imħuħ qed ikollu impatt devastanti f’xi pajjiżi. Irridu nindirizzaw il-libertà li nibqgħu u l-libertà li nerġgħu lura. Illum il-ġurnata dan jimxi f’direzzjoni waħda biss u qed jaffettwa l-kompetittività u joħloq problema kbira fl-Ewropa.” (mp)