Il-KESE u l-Kummissjoni ffirmaw protokoll ġdid ta’ kooperazzjoni li jkompli jikkonsolida u jintensifika l-kooperazzjoni politika u leġiżlattiva bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll l-isforzi konġunti tagħhom biex jikkomunikaw dwar l-Ewropa. Il-protokoll isaħħaħ ukoll il-funzjoni strateġika tal-Kumitat fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-valuri tal-integrazzjoni Ewropea u d-demokrazija parteċipattiva.

Il-protokoll il-ġdid, iffirmat fis-27 ta’ Ottubru, jagħti lill-KESE rwol aktar b’saħħtu kemm fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, kif ukoll fi ħdan is-Semestru Ewropew, għodda ta’ politika ekonomika u fiskali ewlenija.

“Karatteristika ġdida sinifikanti fil-protokoll hija l-impenn li jiġu identifikati b’mod konġunt ħames suġġetti għal Opinjonijiet esploratorji kull sena, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-programm ta’ ħidma tagħha. Dan huwa punt importanti ħafna għalina, li jippermettilna naħdmu b’mod li jħares ’il quddiem”, ikkummentat il-President tal-KESE Christa Schweng.  L-Opinjonijiet esploratorji huma Opinjonijiet imfasslin fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Kunsill tal-UE dwar kwistjonijiet ta’ interess kbir għas-soċjetà ċivili.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, Maroš Šefčovič, qal li “Din ir-reviżjoni tal-Protokoll se tiżgura li l-modi kif nikkooperaw ikunu aktar adatti għaż-żminijiet li ngħixu fihom u għall-isfidi li qed niffaċċjaw. Itenni wkoll ir-rwol importanti li għandu l-Kumitat fl-iżvilupp tal-politiki tagħna, bis-sinerġiji ta’ bejnietna jikkontribwixxu għall-funzjonament bla xkiel tal-UE”. (tk)