European Economic
and Social Committee
Maria Nikolopoulou: Il-Ġimgħa Ewropea għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-KESE
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-KESE qed jikkollabora mal-Parlament Ewropew u jirreplika l-inizjattiva tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. L-idea hi li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkluża fid-dibattiti bħal parti mill-ħidma regolari tagħna.
Il-KESE ddeċieda li jorganizza għadd ta’ avvenimenti matul il-laqgħat ta’ Ottubru u Novembru tas-sezzjonijiet u tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) tiegħu. Barra minn hekk, fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru, li se ssir matul il-Ġimgħa għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-KESE se jorganizza dibattitu mal-MEP u Viċi President tal-Parlament Ewropew Evelyn Regner, li hija responsabbli għal dan il-proġett fil-Parlament.
Il-KESE laqa’ din l-inizjattiva u nittama li nkunu nistgħu nżommuha operattiva sakemm jibqa’ bżonnha sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-fatt li, għalkemm qed nagħmlu avvanz lejn ugwaljanza effettiva bejn l-irġiel u n-nisa, il-progress la huwa rapidu biżżejjed u lanqas ikkonsolidat. Is-soċjetà tagħna hija biċ-ċar kontra l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa. B’mod konxju u pubbliku, id-drittijiet tan-nisa qed jiġu difiżi u rispettati mill-maġġoranza. B’xorti ħażina, ċerti attitudnijiet u diskorsi tant huma mxettla fil-fond li xi persuni, mingħajr ma jindunaw, jaqgħu fin-nasba u jxerrduhom filwaqt li oħrajn jagħmlu dan apposta biex jimblokkaw it-tibdil soċjali.
Il-kompetenzi tas-sezzjonijiet tal-KESE jagħtuna opportunità biex nenfasizzaw il-pożizzjoni tan-nisa f’varjetà ta’ kuntesti minn dawk bi predominanza maskili sa dawk fejn in-nisa huma l-aktar rappreżentati. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex “ħaġa tan-nisa”. Hija prekundizzjoni għall-bini ta’ soċjetajiet ġusti, reżiljenti u prosperi. Min dan toħroġ l-importanza li n-nisa u l-irġiel jimxu f’din it-triq flimkien, id f’id, u juru rispett u appoġġ reċiproku.
Maria Nikolopoulou, membru tal-KESE u President tal-Grupp dwar l-Ugwaljanza