Is-seminar annwali tal-KESE għall-komunikaturi tas-soċjetà ċivili, li ser isir f’Zagreb fl-24-25 ta’ Novembru, ser jikkonċentra fuq l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq l-UE u ser jindirizza tliet kwistjonijiet diffiċli.

“Inkwiet ġeopolitiku fuq l-għatba tal-Ewropa: il-perspettiva tas-soċjetà ċivili” ser jiffoka fuq tliet aspetti tal-gwerra:

  • It-tkabbir tal-UE: il-gwerra ser tibdel id-direzzjoni tat-tkabbir tal-UE? L-Ukrajna kemm hija ppreparata biex tissieħeb mal-UE, issa li hija pajjiż kandidat? Kemm huwa ġust dan it-trattament speċjali lejn il-pajjiżi kandidati li ilhom snin sħaħ jistennew biex jissieħbu mal-UE? U dan kollu kif jidħol fil-prospettiva ta’ komunità ġeopolitika Ewropea?
  • L-enerġija: hekk kif l-UE tirrifjuta l-gass u ż-żejt Russi li huma orħos u l-industrija u l-ħaddiema Ewropej jinsabu taħt pressjoni, x’jistgħu jagħmlu l-pajjiżi tal-UE biex jgħinu lin-nies jegħlbu dan il-mument diffiċli? Ser jkollhom it-tentazzjoni li jerġgħu lura għall-faħam li jniġġes ħafna jew dan ser iħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika? L-UE tista’ toħroġ lill-pajjiżi tagħha minn din il-kriżi bl-istess suċċess bħalma kellha bil-kriżi tal-COVID-19?
  • Komunikazzjoni: waħda mill-armi ewlenin f’din il-gwerra, il-komunikazzjoni qed tagħmel użu mill-potenzjal il-ġdid kollu offrut mit-teknoloġija. Iż-żewġ partijiet f’kunflitt kif qed jużawha? Min qiegħed jirbaħ u l-UE kif qed tindirizza din il-mewġa ġdida ta’ diżinformazzjoni?

Il-kelliema ewlenin jinkludu l-ġurnalista Tim Weber, speċjalista dwar id-diżinformazzjoni online u l-kreatur tal-BBC online, il-ġurnalista Regis Genté, koawtur tal-ktieb “Volodymyr Zelensky: in the mind of a hero” u Dušan Gajić, awtur tad-dokumentarju “The Graduates” dwar il-kriżi ta’ identità li hemm fis-Serbja minħabba l-gwerra.

Is-seminar huwa parti mis-serje “Nikkollegaw l-Ewropa”, issa fis-16-il sena tagħha, li għandha l-għan li toffri pjattaforma fejn il-professjonisti tal-istampa u l-komunikazzjoni minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jinteraġixxu filwaqt li jiddiskutu kwistjonijiet attwali ta’ interess komuni li jolqtu lill-Ewropa. Is-seminar jgħaqqad membri tal-KESE u rappreżentanti oħra tal-UE, organizzazzjonijiet imsieħba mill-Istati Membri, ġurnalisti u riċerkaturi biex jiddiskutu l-kwistjonijiet jaħarqu tal-ġurnata.

Il-programm sħiħ ser ikun disponnibli dalwaqt fis-sit web tal-KESE. Wieħed jista’ jipparteċipa fl-avveniment fuq stedina, iżda hemm xi postijiet disponibbli għall-partijiet interessati. Biex tikseb invit jekk jogħġbok ikteb lil pressofficers@eesc.europa.eu (dm)