European Economic
and Social Committee
Enerġija: il-KESE jwissi kontra l-ħolqien ta’ dipendenzi ġodda
F’Opinjoni reċenti, il-KESE jappoġġja l-pjan REPowerEU tal-Kummissjoni Ewropea biex l-UE titbiegħed mill-gass u ż-żejt Russi, iżda jirrimarka li ħafna mill-problemi li issa qed jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ urġenza setgħu ġew evitati jew imrażżna billi titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija ħafna żmien ilu u jiġi kkompletat is-suq tal-enerġija, kif il-KESE ilu s-snin iħeġġeġ .
Fl-Opinjoni li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru u li tfasslet minn Stefan Back, Thomas Kattnig u Lutz Ribbe, il-Kumitat enfasizza li li l-effetti ekonomiċi u soċjali kkombinati tal-kriżi tal-enerġija attwali se jpoġġu s-sistema demokratika tal-UE taħt pressjoni sakemm ma jinstabux soluzzjonijiet adegwati. Għandhom jiġu implimentati miżuri immedjati biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista bi spiża li tkun “affordabbli kemm jista’ jkun” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija, li huma affettwati mill-kriżi attwali tal-prezzijiet, sabiex jiġi evitat it-taqlib soċjali.
Il-KESE jgħid li l-pjan REPowerEU huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda jwissi li dawn il-miżuri ta’ emerġenza m’għandhomx iwasslu għal dipendenzi ġodda u m’għandhomx ikunu ta’ ħsara għall-isforzi biex tinkiseb in-newtralità klimatika malajr kemm jista’ jkun.
Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija ġeopolitika għall-importazzjoni tal-enerġija, li tqis il-kwistjonijiet enerġetiċi u klimatiċi urġenti, qabel ma tikkonkludi sħubijiet ma’ pajjiżi mhux demokratiċi jew politikament instabbli.
Skont il-Kumitat, il-ħtieġa urġenti biex jiġu żgurati l-provvisti tirrikjedi flessibbiltà fir-rigward tal-użu temporanju tal-fjuwils fossili u b’emissjonijiet baxxi. (mp)