Fit-23 ta’ Settembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel Premijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika, koorganizzati mal-Kummissjoni Ewropea u msieħba oħra biex tiġi ppremjata l-eċċellenza fil-katina tal-valur tas-settur organiku Ewropew.

Ir-rebbieħa huma:
•    Għall-aħjar SME li tipproċessa ikel organiku: Goodvenience.bio GmbH – Magdala, Thüringen, il-Ġermanja
•    Għall-aħjar bejjiegħ bl-imnut tal-ikel organiku: La ferme à l’arbre de Liège – Lantin, Liège, il-Belġju
•    Għall-aħjar restorant li jservi ikel organiku: Lilla Bjers HB – Visby, il-Gżira ta’ Gotland, l-Iżvezja

Ir-rebbieħa tal-kategoriji kollha tħabbru waqt ċerimonja speċjali li saret fil-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Organiku tal-UE u ospitata mill-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura, Janusz Wojciechowski.

Il-President tal-KESE Christa Schweng qalet: “Il-KESE ilu għal snin fuq quddiem nett biex jippromovi politika dwar l-ikel sostenibbli u komprensiva fl-UE. Għaldaqstant, aħna kburin ħafna li qegħdin norganizzaw dawn il-premjijiet b’mod konġunt, b’hekk nikkontribwixxu biex nissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-potenzjal tas-settur organiku li jgħin biex jinkisbu sistemi tal-ikel aktar sostenibbli”.

“Ir-rebbieħa llum urew kif huma jaħdmu ta’ kuljum biex jagħmlu t-tranżizzjoni għal sistemi tal-ikel aktar sostenibbli u ġusti realtà”, qal Peter Schmidt, President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT) tal-KESE.

Il-premijiet ġew imnedija bħala parti mill-impenn li sar fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-eċċellenza tul il-katina tal-katina tal-ikel organiku, mill-bidwi għar-restorant. (ks)