Mill-Grupp tal-Ħaddiema

Wara ħafna snin ta’ negliġenza u ottimiżmu inġustifikat dwar kwistjonijiet relatati mal-enerġija, l-Ewropa issa tinsab f’sitwazzjoni diffiċli. Iggravata mill-għeluq ta’ faċilitajiet nukleari li fil-biċċa l-kbira ġew sostitwiti bil-gass jew bil-faħam (li wassal għal għexieren oħra ta’ eluf ta’ mwiet qabel iż-żmien kull sena), minn dipendenza fuq il-gass naturali bħala alternattiva faċli u rħisa (u dan l-aħħar, ukoll ekoloġika), u minn suq tal-enerġija mfassal ħażin għall-kriżijiet jew biex jipprovdi sehem għoli ta’ sorsi rinnovabbli, il-kesħa din ix-xitwa tidher partikolarment li se tkun theddida.

Dawn il-fatturi, imħarxa mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, waslu għal żieda fenomenali fil-prezzijiet tat-trasport u l-enerġija. Flimkien maż-żidiet fil-prezzijiet għal ħafna prodotti bażiċi tal-ikel minħabba disturbi fil-katina alimentari globali, l-inflazzjoni laħqet livelli li ilhom ma jiġru għexieren ta’ snin. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet taffettwa, l-ewwel u qabel kollox, lill-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli li diġà ma kellhom l-ebda marġni biex jiffaċċjaw żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, tat-trasport u tal-ikel. Biex ma nsemmgħux il-karestija u l-ġuħ li possibbilment se tbati minnhom il-bqija tad-dinja fejn l-infiq żejjed mhuwiex possibbiltà.

Hekk kif il-kumpaniji tagħna qed ibatu biex ikomplu minħabba żieda esaġerata fl-ispejjeż, u ċ-ċittadini u l-ħaddiema tagħna qas jafu jekk humiex se jkunu jistgħu jixgħelu t-tisħin din ix-xitwa, nilqgħu b’serħan l-inizjattiva dwar REPowerEU u dik dwar ir-riforma tas-suq tal-enerġija. It-tranżizzjoni ekoloġika u dik ġusta saru mhux biss neċessità klimatika iżda wkoll waħda soċjali u ġeopolitika. Mingħajr azzjoni deċiżiva biex nitbiegħdu mill-fjuwils fossili, hemm ir-riskju li s-sistemi politiċi tagħna jikkollassaw ħafna qabel ma nkunu nistgħu nilħqu kwalunkwe mira klimatika. (prp)