Il-Presidenza Ċeka tal-UE se tirrieżamina, tibni mill-ġdid u ssaħħaħ lill-Ewropa

“L-Ewropa bħala missjoni”. Dan huwa l-motto uffiċjali tal-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea [bl-Ingliż: “Europe as a Task: Rethink, Rebuild, Repower”], li bdiet fl-1 ta’ Lulju 2022 b’enfasi fuq il-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, it-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika tal-Ewropa u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika futura tagħha.

Waqt li kien qed jindirizza lill-President tal-KESE Christa Schweng u lill-membri l-oħra tal-KESE fid-dibattitu tas-sessjoni plenarja tat-13 ta’ Lulju 2022, il-Ministru Ċek għall-Affarijiet Barranin, Jan Lipavský, ippreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza tal-UE ta’ pajjiżu.

“Il-kuntest ekonomiku u ġeopolitiku delikat ħoloq xi ċaqliq fil-prijoritajiet, u l-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt tagħha fuq l-Ewropa ser jiggwidaw lill-Presidenza Ċeka tul il-mandat tagħha,” huwa qal. “Ninsabu fi żmien meta hemm gwerra li tinsab għaddejja eżatt barra l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, u l-kompitu ewlieni tagħna fil-perjodu li ġej ser ikun li nsibu kunsens magħqud u b’saħħtu dwar miżuri li ser itaffu kemm jista’ jkun l-impatt negattiv tal-iżviluppi fuq iċ-ċittadini tagħna.”

Imnebbaħ mill-viżjoni tal-istatista Ċek Václav Havel f’diskors li għamel 26 sena ilu, il-motto jipprovdi messaġġ qawwi biex jiġbor fil-qosor il-ħames pilastri tal-Presidenza Ċeka tal-UE:

  1. il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra;
  2. iż-żieda tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE;
  3. iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej u tas-sigurtà ċibernetika;
  4. it-tisħiħ tar-reżiljenza strateġika tal-ekonomija Ewropea;
  5. il-protezzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-UE u l-valuri tagħha.

Is-Sinjura Schweng osservat li l-prijoritajiet tal-Presidenza Ċeka tal-UE huma wkoll il-prijoritajiet tal-KESE u tal-Ewropa kollha kemm hi, u żiedet tgħid li: “Ir-Repubblika Ċeka qed tieħu f’idejha l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill fi żmien meta l-Unjoni Ewropea għadha qed titħabat biex tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija, u fl-istess ħin qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna. Ser nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-Kumitat tagħna jagħti kontribut qawwi għall-attivitajiet tal-Presidenza Ċeka.” (mp)