Il-ħolqien ta’ futur aħjar għaż-żgħażagħ u l-għajnuna lill-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna huma ż-żewġ temi tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena. 

Il-KESE issa qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili 2022 li se jippremja proġetti u inizjattivi innovattivi u kreattivi f’żewġ kategoriji: it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u l-għajnuna lill-persuni ċivili Ukreni affettwati mill-avvenimenti terribbli f’pajjiżhom li jinsab mifni bil-gwerra.

Se jingħataw total ta’ EUR 6 000 lil massimu ta’ sitt rebbieħa, bi tliet rebbieħa għal kull kategorija. 

It-tema tal-Kategorija 1 hija t-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ. Il-KESE se jagħżel ir-rebbieħa minn fost il-proġetti li għandhom l-għan li joħolqu futur aħjar għaż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ fl-Ewropa. Dawn għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ Ewropej u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika u soċjali. 

It-tema tal-Kategorija 2 hija s-soċjetà ċivili Ewropea għall-Ukrajna. Permezz tal-premju l-KESE se jagħti ġieħ lil dawk kollha li huma attivi fuq il-post u li ta’ kuljum joffru l-għajnuna umanitarja lill-Ukreni, u lil dawk li jgħinu lir-refuġjati kemm mal-wasla tagħhom kif ukoll matul l-integrazzjoni fis-soċjetà Ewropea.

Il-premju huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-individwi u l-kumpaniji privati kollha li jwettqu inizjattivi mingħajr skop ta’ qligħ. L-inizjattivi u l-proġetti kollha jridu jkunu twettqu fl-UE, bl-eċċezzjoni tal-proġetti fil-Kategorija 2 li jistgħu jitwettqu wkoll fl-Ukrajna. 

Data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet: 31 ta’ Lulju 2021, fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell),

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji: 14-15 ta’ Diċembru 2022, Brussell.

Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq il-paġna web tagħna.

L-għan tal-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa li titqajjem kuxjenza dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropea u għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea. (ll)