Ftit ottimiżmu għas-sajf

Għeżież qarrejja,

Dan is-sajf qed nibdewh b’ħafna aktar aħbarijiet tajba mis-sena li għaddiet. Sal-aħħar ta’ Lulju kważi 70 % tal-adulti fl-UE jkunu ħadu mill-inqas doża waħda ta’ tilqima kontra l-COVID-19. L-ivvjaġġar qed isir possibbli, għalkemm għadu kkumplikat. U t-tnedija tal-fond ta’ NextGenerationEU qed taqbad ir-ritmu.

It-tradizzjoni hi li f’Lulju tibda l-Presidenza ġdida tal-Kunsill tal-UE. Din id-darba, il-kompitu jmiss lis-Slovenja u l-KESE qed jistenna bil-ħerqa li jikkoopera mill-qrib matul dawn is-sitt xhur. Ser naħdmu fuq opinjonijiet esploratorji mitlubin mill-Presidenza, li jindirizzaw temi bħat-tagħlim għall-adulti, id-diġitalizzazzjoni inklużiva u ktajjen alimentari ġusti. Nittamaw ukoll li s-sitwazzjoni epidemjoloġika se tippermettilna norganizzaw għadd ta’ avvenimenti bi preżenza fiżika fis-Slovenja sabiex nisfruttaw l-opportunitajiet tan-networking.

Filwaqt li bħala skeda taż-żmien ninsabu f’pożizzjoni tajba sal-waqfa tas-sajf, għadna qed nippjanaw l-attivitajiet tagħna għall-ħarifa. Waħda mill-prijoritajiet tagħna hija l-parteċipazzjoni fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. F’Settembru, se nibdew l-attivitajiet tagħna ta’ “fil-livell lokali” fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-membri tagħna, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali, reġjonali u lokali, ser jorganizzaw għadd ta’ diskussjonijiet. L-għan huwa li nisimgħu lis-soċjetà ċivili fil-livell lokali u li nintroduċu l-kontribut tagħhom f’narrattiva ġdida dwar l-Ewropa. Qed nistennew bil-ħerqa dawn l-iskambji, peress li bla dubju se jipproduċu ħafna ideat oriġinali.

Prijorità oħra għal Settembru se tkun il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-fond ta’ NextGenerationEU – speċjalment il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-network vast tagħna ta’ prattikanti li huma midħla tar-realtà fis-27 Stat Membru se jkollu rwol ewlieni hawnhekk. Irridu ngħinu biex it-tnedija tal-fond tkun saħansitra aktar bla xkiel billi nidentifikaw ir-restrizzjonijiet u nidentifikaw dak li jiffunzjona tajjeb u dak li jista’ jittejjeb.

Għeżież qarrejja, qabel jiġri dan kollu, nixtiqilkom ilkoll waqfa tas-sajf mill-aqwa, mimlija ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb. Dan kollu filwaqt li nirrispettaw ir-restrizzjonijiet, nieħdu lura saħħitna u ngawdu dawk il-mumenti żgħar li bil-mod il-mod qed niksbu lura wara xhur tar-realtà ħarxa tal-pandemija.

Christa Schweng

Il-President tal-KESE