Studenti minn skejjel sekondarji mill-Ewropa kollha ppreżentaw tmien proposti konkreti lil Věra Jourová, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza. L-istudenti kienu qed jieħdu sehem fl-avveniment virtwali għaż-żgħażagħ, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! (YEYS2022). Intitolat “Il-verità dwar il-gideb. Iż-żgħażagħ jisfidaw id-diżinformazzjoni”, l-avveniment ġie ospitat mill-KESE bejn il-31 ta’ Marzu u l-1 ta’ April 2022. 

Wara jumejn ta’ diskussjonijiet u dibattiti virtwali mqanqla, id-99 student ta’ bejn is-16 u t-18-il sena li pparteċipaw fl-avveniment #YEYS2022 ħarġu b’sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi, li ppreżentaw u ddiskutew mal-Viċi President Věra Jourová.

“L-edukazzjoni hija kruċjali biex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà tagħna kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz,” qalet is-Sinjura Jourová, hi u tagħlaq l-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2022. Il-Viċi President Jourová indirizzat fid-dettall ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudenti u ddiskutiethom waħda waħda mal-istudenti. “Id-diżinformazzjoni hija theddida għas-soċjetà tagħna, speċjalment fi żminijiet ta’ gwerra. Jeħtiġilna nindirizzawha filwaqt li nippreżervaw il-libertà tal-espressjoni,” temmet tgħid. 

L-għan tal-avveniment #YEYS2022 se jkun li ssir sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tad-diżinformazzjoni u li l-istudenti jiġu mħeġġa jsiru aktar attivi fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz. Waqt l-avveniment, iż-żgħażagħ ġew imħarrġa jidentifikaw faċilment id-diżinformazzjoni u jaġixxu kontriha. Huma ħadmu fi gruppi żgħar u f’sessjonijiet ta’ ħidma differenti u żviluppaw kampanja ta’ diżinformazzjoni, li aktar tard kellha tiġi indirizzata permezz ta’ kontrokampanja b’saħħitha ta’ informazzjoni.   

L-istudenti ntlaqgħu minn Christa Schweng, President tal-KESE, li qalet: “L-aħbarijiet foloz qed jinfirxu b’mod kostanti f’tentattiv biex idgħajfu l-valuri Ewropej u d-demokrazija fl-Ewropa. #YEYS2022 huwa opportunità għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw ħsieb kritiku u jitgħallmu dwar għodod għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Iż-żgħażagħ huma kruċjali biex jissawwar futur aħjar għall-Ewropa.”

Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE għall-komunikazzjoni, għalaq l-avveniment b’dawn il-kummenti: “Bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, nixtiequ niltaqgħu aktar maż-żgħażagħ tagħna, nisimgħu l-approċċi tagħhom li jixhdu mħuħ miftuħa kif ukoll nikkombinaw it-tħassib tagħna mal-immaġinazzjoni u l-viżjoni tagħhom għall-futur.” 

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2022! – YEYS2022 – intgħażel bħala wieħed mill-avvenimenti ewlenin li qed iseħħu matul is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.

Aktar dettalji dwar YEYS 2022 jinsabu fil-paġna uffiċjali tal-avveniment. (ks)