Proċeduri ġusti u d-djalogu mal-komunitajiet lokali se jagħmlu lill-Ewropej konxji tal-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija, filwaqt li jimmotivawhom biex jipparteċipaw fiha, jgħid il-KESE f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.

Fl-Opinjoni tiegħu “Liema kundizzjonijiet huma meħtieġa biex titrawwem l-aċċettabbiltà soċjali tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju?” il-KESE enfasizza li t-trawwim ta’ fiduċja reċiproka mal-partijiet interessati kollha huwa kruċjali biex is-soċjetà taċċetta din it-tranżizzjoni. 

“Il-miżuri kollha b’rabta mat-tranżizzjoni tal-enerġija jeħtieġu komunikazzjoni miftuħa u parteċipazzjoni sħiħa kmieni kemm jista’ jkun fil-fażi ta’ żvilupp tal-proġett u fil-livelli adegwati kollha, mill-UE sal-gvern lokali,” qal ir-relatur Arnaud Schwartz.

Il-korelatur Jean Coulon qal: “L-appoġġ mis-soċjetà ċivili huwa estremament importanti biex tiġi żgurata s-sjieda tal-komunità, peress li l-organizzazzjonijiet lokali jistgħu jikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku b’mod aktar faċli u jużaw data xjentifika biex jiġġieldu kwalunkwe idea falza li tista’ tiċċirkola.”

L-Unjoni Ewropea teħtieġ it-tranżizzjoni tal-enerġija għax hija aktar nadifa u aktar ġusta kemm mil-lat individwali kif ukoll mil-lat kollettiv. Fuq medda twila ta’ żmien din se tkun ukoll irħas għaċ-ċittadini. Madankollu, din tirrikjedi bidliet individwali u kollettivi u, fuq terminu qasir, id-dekarbonizzazzjoni tista’ tinvolvi spejjeż ogħla għall-produtturi u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi.

Għalhekk huwa kruċjali li l-popolazzjoni u l-partijiet interessati kollha jsaħħu l-fiduċja reċiproka tagħhom u jaċċettaw it-trasformazzjoni u l-bidliet tekniċi tagħha, mill-ippjanar sal-implimentazzjoni. Biex jinkiseb dan, il-proċess għandu jkun indipendenti, trasparenti u inklużiv, l-informazzjoni pprovduta għandha tkun ta’ kwalità għolja u faċilment aċċessibbli, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom ikunu responsabbli. (mp)