Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tqiegħed dimensjoni kulturali u kreattiva fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-mewġa ta’ rinnovazzjoni, u tipprovdi punt tat-tluq għat-tranżizzjoni ekoloġika. B’dan il-kliem, il-President tal-KESE, Christa Schweng, ġabret fil-qosor il-pożizzjoni tal-KESE dwar din l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni meta ltaqgħet mal-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel, fis-sessjoni plenarja tal-KESE fit-23 ta’ Marzu 2022.

“Naqblu bis-sħiħ mal-għan li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal oġġetti ċirkolari u b’intensità inqas qawwija tal-karbonju fil-post tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom, fil-bini pubbliku u fl-akkomodazzjonijiet tagħhom, permezz ta’ esperjenzi konkreti,” qalet is-Sinjura Schweng. Hija u tenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li nħarsu lejn il-futur, hija żiedet tgħid: “Il-KESE huwa lest li jkun involut b’mod attiv fl-approċċ parteċipattiv tal-moviment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida sabiex jiġi żgurat djalogu produttiv maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili, u b’hekk jinstabu soluzzjonijiet li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tagħhom.”

Mentri rreferiet għall-konsegwenzi serji tal-pandemija u l-gwerra li faqqgħet fl-Ukrajna, is-Sinjura Gabriel enfasizzat l-importanza ta’ proġetti bħal dawn illum il-ġurnata: “Naħseb li huwa aktar importanti minn qatt qabel li nkunu nistgħu naraw tama fil-futur tagħna, u li nkomplu naħdmu flimkien għal dan. U dan huwa eżattament dak li tirrappreżenta l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Il-KESE huwa msieħeb essenzjali għas-suċċess tagħha. Flimkien, se niżguraw li tiġi implimentata b’mod li tkun qrib kemm jista’ jkun tal-komunitajiet lokali, iċ-ċittadini Ewropej u darhom.”

Il-Kummissarju ġġudikat l-approċċ parteċipattiv bħala “element kruċjali li jżomm id-djalogu maċ-ċittadini,” u żidiet tgħid li “hija preċiżament din l-idea ta’ kokreazzjoni u kooperazzjoni li ispirat l-inizjattiva tagħna”. Hija faħħret il-proposti tal-KESE, bħas-suġġeriment li titwaqqaf pjattaforma tas-soċjetà ċivili biex tipprovdi appoġġ fil-livell lokali u l-intenzjoni li tiġi organizzata konferenza speċifika b’rabta mal-festival annwali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mid-9 sat-12 ta’ Ġunju 2022. Pass importanti ieħor se jkun it-tnedija f’April 2022 tal-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, grupp ta’ riflessjoni u azzjoni dwar il-kokreazzjoni, il-ħolqien ta’ prototipi u l-ittestjar.