European Economic
and Social Committee
L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli: in-NU tara rwol ewlieni għas-soċjetà ċivili
Waqt li tkellmet fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu tal-KESE, il-President tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC) irrakkomandat rwol b’saħħtu għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030.
L-Ambaxxatriċi Lachezara Stoeva, President tal-ECOSOC tan-NU, qalet li l-atturi tas-soċjetà ċivili huma alleati indispensabbli sabiex jimplimentaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
“Irridu nkunu ambizzjużi; l-isfidi globali jeħtieġu risposti globali”, qalet il-President tal-KESE Christa Schweng. Hija żiedet tgħid li “Is-soċjetà ċivili għandu jkollha post mal-mejda waqt is-Summit tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ta’ Settembru, b’involviment aktar strutturat u konkret”.
L-Ambaxxatriċi tan-NU Lachezara Stoeva qalet: “Ma nistgħu nagħmlu xejn mingħajr is-soċjetà ċivili. Is-soċjetà ċivili Ewropea ta’ spiss kellha rwol ta’ tmexxija fil-ħsieb li jħares ’il quddiem. Il-KESE, bin-natura tiegħu ta’ diversi partijiet interessati, għandu l-kapaċità lli jikkontribwixxi u jagħmel il-politiki pubbliċi aktar bbilanċjati, ekwi u reattivi”.
Il-KESE kkontribwixxa b’mod attiv għall-ewwel Rieżami Volontarji globali tal-UE, li ser jiġi ppreżentat waqt il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli f’Lulju. B’mod partikolari, il-Kumitat qed jipproduċi kontribut “mudell” tas-soċjetà ċivili, li jista’ jintuża bħala l-aħjar prattika għal reġjuni oħra madwar id-dinja. (mt)