European Economic
and Social Committee
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Sena wara l-invażjoni mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja, il-Grupp ta’ Min Iħaddem iltaqa’ mal-mexxejja tal-organizzazzjonijiet Ukreni tan-negozju għal diskussjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozju fl-Ukrajna u biex jikseb informazzjoni diretta dwar dak li għandhom bżonn attwalment il-kumpaniji Ukreni biex jissopravivu, kif ukoll fid-dawl tar-rikostruzzjoni.
Tul din l-aħħar sena, il-PDG tal-Ukrajna naqas bi 30-35 %. Il-kost totali tat-telf dirett huwa vvalutat għal kważi USD 130 biljun. Skont diversi stimi, bejn 2,5 u 5 miljun persuna tilfu xogħolhom u l-inflazzjoni hija ta’ 26,6 %.
“Peress li ħafna impjegati, klijenti u imsieħba telqu mill-pajjiż, tilfu l-kumpaniji tagħhom fil-bombardamenti u l-attakki bil-bombi, jew marru jiġġieldu fiż-żona tal-ewwel linja, huwa diffiċli li jinżammu livelli għoljin ta’ introjtu, speċjlament għall-SMEs” qalet Kateryna Glazkova, Direttur Eżekuttiv tal-Union tal-Intraprendituri Ukreni.
Il-kumpaniji jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi: ma jistgħux jirbħu lura l-klijenti li tilfu minħabba tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, delokalizzazzjoni jew kwistjonijiet oħra; in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji; is-sens ġenerali ta’ insigurtà u l-fatt li ma jistgħux jesportaw l-oġġetti u s-servizzi tagħhom huma ta’ tħassib għall-biċċa l-kbira tas-CEOs.
Kważi nofs il-kumpaniji membri tal-Assoċjazzjoni tan-Negozji Ewropej huma ottimisti dwar l-iżvilupp tan-negozju tagħhom fl-2023. Dawn huma l-konklużjonijiet tal-istudju Business Forecast 2023 li sar mill-Assoċjazzjoni tan-Negozji Ewropej u l-bank Raiffeisen, bl-appoġġ analitiku ta’ Gradus Research. Ir-riżultati ta’ din is-sena juru deterjorament mistenni fis-sentimenti u l-previżjonijiet tal-maniġment superjuri. Għal finijiet ta’ tqabbil, is-sena l-oħra 83 % tas-CEOs għamlu previżjonijiet pożittivi.
Biex tittejjeb is-sitwazzjoni, il-President tal-Kamra Ukrena tal-Kummerċ, Gennadiy Chyzhykov, enfasizza l-fatt li hemm bżonn li n-negozji jerġgħu jibdew jesportaw. “Din hija kwistjoni ta’ sopravivenza”, qal.
“Huwa kruċjali li nistimolaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni biex nirrestawraw il-ktajjen tal-provvista li ġew interrotti, niksbu imsieħba Ewropej u nitgħallmu mill-esperjenza Ewropea. Għal dan, jeħtieġ li jitkomplew u jittejbu l-Korsiji Ħodor”, qablet Anna Derevyanko, Direttur Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tan-Negozji Ewropej.
“Is-sħubija fil-programm tas-suq uniku wittiet it-triq għan-negozji Ukreni biex jaċċessaw is-suq tal-UE u ħolqot opportunitajiet ġodda potenzjali, iżda l-kummerċ B2B irid jittejjeb sabiex in-negozji Ukreni jkunu jistgħu jiksbu l-assistenza, il-konsultazzjoni u l-kuntatti meħtieġa biex isiru operattivi”, żiedet tgħid Anna Derevyanko. “Mhijiex tiġrija sprint, iżda maratona”, kompliet tgħid.
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem ilu japoġġja bis-sħiħ l-azzjoni tal-UE biex tassisti lill-Ukrajna fiż-żmien ta’ bżonn tagħha u biex tibda tibni l-Ukrajna mill-ġdid, anke qabel ma tintemm il-gwerra. Impenjajna ruħna mal-kontropartijiet tal-impjegaturi tagħna fl-Ukrajna u ħeġġejna lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE biex jagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex jgħinu lill-Ukrajna l-ewwel tissopravivi u mbagħad telgħeb l-aggressjoni tar-Russja. Hekk kif qal il-President Stefano Mallia: “Li nappoġġjaw lill-intrapriżi tal-Ukrajna, pereżempju billi niffaċilitaw l-aċċess għas-suq, huwa ta’ interess fundamentali għall-Ewropa. Dawn l-aħħar xhur urew li l-Ukrajna u l-UE huma msieħba loġiċi. Ejjew nibnu fuq dan il-pedament.”