Il-proġett imressaq mill-Kamra Maltija huwa fost 23 proġett mill-UE u mir-Renju Unit li rċevew il-premju għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-konsegwenzi diżastrużi tagħha.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ta l-Premju għas-Solidarjetà Ċivili lill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji għall-appoġġ tagħha lill-SMEs matul iż-żminijiet inċerti tal-COVID-19. Il-Kamra mexxiet is-servizzi li toffri normalment online u żiedet il-provvista tagħha b’sensiela ta’ webinars u pjattaforma għas-sidien tan-negozji.

Il-KESE, korp konsultattiv li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili tal-Ewropa fil-livell tal-UE, għażel il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji bħala l-aħjar kandidat Malti għall-Premju, u qal li l-proġett tagħha kien eżempju notevoli ta’ solidarjetà li spikka matul il-kriżi tal-COVID-19.

Hekk kif bdiet il-kriżi, il-Kamra – li tirrappreżenta ’il fuq minn 7 000 SME – għamlet tibdil f’xogħolha u ħolqot struttura ta’ appoġġ għall-SMEs, li ffukat fuq il-ħtiġijiet essenzjali u s-sopravivenza tagħhom. Dan kien jinkludi l-iskambju ta’ prattiki tajbin, sessjonijiet ta’ informazzjoni, masterclasses, konferenzi, webinars, proposti ta’ politika u rappreżentazzjoni pubblika.

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tħabbret bħala waħda mit-23 rebbieħ f’ċerimonja ta’ premjazzjoni virtwali organizzata mill-KESE fil-15 ta’ Frar.

Kull rebbieħ irċieva premju b’valur ta’ EUR 10 000.

Waqt l-għoti tal-premjijiet, il-Viċi President tal-KESE għall-komunikazzjoni, Cillian Lohan, qal:

“Il-KESE enfasizza kemm-il darba li s-solidarjetà u l-azzjoni kondiviża mmirata huma kruċjali biex tingħeleb pandemija bħal din. L-unika reazzjoni effettiva għal kriżi bħal din il-pandemija hija li naġixxu malajr, b’mod deċiżiv u flimkien. Minnha nistgħu nisiltu lezzjonijiet biex nindirizzaw kriżijiet oħrajn, kemm jekk soċjali, ekonomiċi jew ambjentali.

Is-soċjetà ċivili kienet fuq quddiem nett fl-azzjonijiet kollha ta’ solidarjetà u mingħajr l-għajnuna tagħha fuq il-post, il-pandemija kienet tiswina ferm aktar qares. Il-proġetti kollha li rċevejna huma prova tal-atruwiżmu taċ-ċittadini u l-impenn fl-eqreb livell għaċ-ċittadin, li juru li l-kontribut tas-soċjetà ċivili f’din il-ġlieda huwa enormi. B’dan il-premju, qed nirrikonoxxu li n-nies u l-organizzazzjonijiet qed jagħmlu differenza f’dawn iż-żminijiet bla preċedent. Huwa unur li nistgħu niċċelebraw flimkien”.

Il-premjijiet ingħataw lill-kandidati rebbieħa minn 21 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Premju wieħed ingħata lil proġett b’enfasi transfruntiera u wieħed lil organizzazzjoni mir-Renju Unit, bħala ġest biex nuru li l-KESE ried iżomm rabtiet mill-qrib mas-soċjetà ċivili tar-Renju Unit minkejja l-fatt li l-pajjiż ħareġ mill-UE.

Minkejja li l-KESE kellu l-għan li jsib rebbieħ f’kull Stat Membru tal-UE u r-Renju Unit, ma rċieva l-ebda proġett eliġibbli minn sitt pajjiżi.

Il-lista sħiħa tar-rebbieħa tinsab disponibbli hawn taħt u fuq il-paġna web tagħna.

Ir-rebbieħa ntgħażlu minn total ta’ 250 applikazzjoni mressqa minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u kumpaniji privati. Il-proġetti kollha kellhom is-solidarjetà bħala l-ixprun tagħhom u wrew modi kreattivi u effettivi biex jindirizzaw l-isfidi li ħafna drabi kienu ta’ qtigħ il-qalb minħabba l-kriżi.

Il-parti l-kbira tal-proġetti kienu mmirati lejn gruppi vulnerabbli jew dawk l-aktar milquta mill-kriżi bħall-anzjani, iż-żgħażagħ, it-tfal, in-nisa, il-minoranzi, il-migranti, il-persuni mingħajr dar, il-persunal mediku, l-impjegati u min iħaddem.

F’dak li jirrigwrda l-kontenut tal-proġetti, dawn iffukaw fuq ħames temi ewlenin: il-provvista tal-ikel u l-għajnuna lil gruppi vulnerabbli, it-tagħmir mediku, servizzi ta’ konsultazzjoni, servizzi edukattivi u informazzjoni dwar il-pandemija, u l-kultura.

IR-REBBIEĦ MALTI

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji rċeviet il-premju bħala wieħed mill-proġetti li jiffukaw fuq it-tema “servizzi edukattivi u informazzjoni dwar il-pandemija”. 

L-inizjattiva tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji kienet imfassla apposta għas-sitwazzjoni tal-COVID-19 u wriet li kienet effettiva biex timla lakuna fl-appoġġ li n-negozji kienu jeħtieġu b’mod urġenti. Fil-livell soċjali, is-sidien tan-negozji kienu qed ifittxu gwida u, bħala msieħba soċjali, il-Kamra kellha r-responsabbiltà li twettaq dak ir-rwol. Baqgħet f’kuntatt mal-membri u leħħnet it-tħassib tagħhom fil-livell tal-politika.

Is-sidien tan-negozji rrikorrew għand il-Kamra għal assistenza dwar l-eliġibbiltà u l-applikazzjonijiet għal skemi ta’ appoġġ, kif ukoll għal djalogu kostruttiv dwar kif se noħorġu mill-kriżi aktar b’saħħitna. Il-pjattaforma tal-SMEs ippermettiet lill-membri jikkondividu l-esperjenzi u jħarsu b’mod pożittiv lejn il-ġejjieni. F’kull webinar, li tfasslu apposta, ħadu sehem ’il fuq minn 100 persuna. Il-webinars trattaw suġġetti bħall-fluss tal-flus, ir-reżiljenza mentali, ir-riinġenerija tan-negozju u l-frodi online.

“Bl-adattament tal-attività tagħna biex inkopru l-oqsma kollha tan-negozji milquta mill-COVID-19, kif ikkomunikat mill-partijiet interessati tagħna, u bl-indirizzar tal-punti diffiċli u sensittivi tal-COVID-19, l-organizzazzjoni tagħna stabbilixxiet lilha nnifisha bħala l-punt ċentrali ta’ appoġġ, kemm f’dak li jirrigwarda s-saħħa mentali, l-appoġġ ekonomiku jew l-isforzi tal-komunità,” qalet is-CEO Abigail Mamo. “Il-premju se jgħinna noħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-valur tad-djalogu soċjali. Il-funzjonament tad-djalogu soċjali qatt ma kien daqshekk meħtieġ u huwa mudell li beħsiebna nkomplu nibnu fuqu u nadattawh għal ċirkostanzi oħrajn,”

Kandidati Maltin oħrajn, li kkompetew għall-premju tal-KESE, ukoll ippreżentaw proġetti ta’ kwalità għolja. Dawn jinkludu l-proġetti mmexxija mill-Fondazzjoni Caritas u Inspirasia, bħal Malta Flimkien.

Informazzjoni dettaljata dwar ir-rebbieħa u kandidati oħrajn tinsab fil-fuljett tagħna, li huwa disponibbli fuq talba.

Il-KESE jittama li l-Premju għas-Solidarjetà Ċivili se jsaħħaħ il-viżibbiltà u jissensiblizza liċ-ċittadini mhux biss dwar il-proġetti rebbieħa, iżda wkoll dwar ħafna inizjattivi kreattivi oħrajn taċ-ċittadini li qed iseħħu fl-UE.

“Illum, m’aħniex biss nifirħu lit-23 rebbieħa tagħna. Qed nifirħu lis-soċjetà ċivili kollha tal-Ewropea u lil dawk il-ħafna organizzazzjonijiet, kumpaniji u individwi fi ħdanha li wrew u jibqgħu juru solidarjetà, kuraġġ u responsabbiltà ċivika bla preċedent f’dawn iż-żminijiet diffiċli u kritiċi”, qal is-Sur Lohan.

Il-KESE qal li l-proġetti u l-inizjattivi mmexxija miċ-ċittadini u mis-soċjetà ċivili f’ħafna modi kkomplementaw l-isforzi li saru mill-Istati Membri biex itaffu l-effetti tal-kriżi u saħansitra antiċipawhom f’xi oqsma, bħall-produzzjoni tal-maskri tal-wiċċ fil-livell lokali u reġjonali.

Meta mqabbel mal-proġetti li rċevejna għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili fis-snin preċedenti, il-KESE ra żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet minn organizzazzjonijiet informali jew inqas stabbiliti, li juri b’mod ċar il-ħeġġa tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu qrib iċ-ċittadini. Kien hemm ukoll inqas proġetti minn xi pajjiżi li ma ntlaqtux b’mod daqstant serju mill-ewwel mewġa tal-pandemija jew minn dawk li għandhom sistemi aktar b’saħħithom ta’ protezzjoni soċjali.

IL-KRITERJI TAL-PREMJU

Il-KESE nieda l-premju f’Lulju 2020 bit-tema “Is-soċjetà ċivili kontra l-COVID-19”, u ħabbar li l-premju se jkun edizzjoni speċjali u ta’ darba, li jissostitwixxi l-Premju emblematiku tiegħu għas-Soċjetà Ċivili. L-għan kien li jingħata ġieħ lis-soċjetà ċivili tal-Ewropa li involviet ruħha b’mod attiv u altruwist f’atti ta’ solidarjetà sa mill-ewwel jiem tal-pandemija.

Il-kompetizzjoni kienet miftuħa għal individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji li l-proġetti tagħhom kellhom ikunu strettament mingħajr skop ta’ qligħ u ma jkollhomx aktar minn 50 % ta’ finanzjament pubbliku. Dawn ried ikollhom rabta diretta mal-COVID-19, bil-għan speċifiku li jikkumbattu l-virus jew li jindirizzaw il-konsegwenzi tiegħu.

Kull sena, il-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili jonora l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew l-individwi li l-proġetti tagħhom jiċċelebraw l-identità Ewropea u l-valuri komuni f’qasam ta’ ħidma partikolari. Dan ilu jingħata mill-2006.