F’din ir-rokna, nippreżentaw il-fehmiet, il-ħsibijiet u l-kummenti ta’ ġurnalisti u personalitajiet prominenti dwar suġġetti li huma importanti fl-Ewropa tal-lum. Din id-darba, il-mistiedna tagħna hija l-ġurnalista Ukrena Olena Abramovych. Fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida, hija taqsam mal-qarrejja tagħna t-tamiet tagħha għal dinja aħjar.

Olena Abramovych hija ġurnalista Ukrena bbażata fi Brussell. Mill-attakk Russu fi Frar 2022, l-istazzjon televiżiv tagħha bbażat fuq l-internet, “Inter”, huwa parti minn maratona nazzjonali ta’ aħbarijiet li jkopri b’mod kontinwu l-gwerra f’parti kbira mit-territorju Ukren. Olena ilha mill-2014 tirrapporta dwar l-avvenimenti politiċi ewlenin fi Brussell (bħas-summits tan-NATO u tal-UE) għall-istazzjonijiet televiżivi Ukreni. Matul ir-Rivoluzzjoni ta’ Maidan fl-Ukrajna fl-2013-2014, hija għenet lill-ġurnalisti bbażati fi Brussell biex jikkollaboraw mal-mexxejja politiċi u l-istituzzjonijiet fi Kiev. Hija kkollaborat ukoll mal-istazzjoni televiżiv Netherlandiż NOS dwar l-investigazzjoni tat-twaqqigħ tal-ajruplan tal-passiġġieri MH-17 mir-Russja.

Minbarra l-politika, hija tiffoka wkoll fuq stejjer b’temi soċjali u taħdem bħala volontarja biex tgħin lill-ħaddiema Ukreni fil-Belġju jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, hija ilha mill-2016 torganizza “Skola tas-sajf dwar it-Tmexxija” fil-belt tagħha, Kovel, fil-Majjistral tal-Ukrajna – programm ta’ mentoraġġ mingħajr ħlas li jipprovdi gwida lill-adoloxxenti li jkunu qed jħejju biex jagħżlu l-istudji universitarji tagħhom. Hija għandha lawrja ta’ Baċellerat fit-tagħlim u lawrja ta’ Master fil-ġurnaliżmu mill-Università Nazzjonali tal-Akkademja Kyiv-Mohyla.