L-Unjoni Ewropea trid tegħleb il-kriżi tal-COVID-19 billi tibni mudell ġdid tas-soċjetà bbażat fuq ekonomiji aktar ekoloġiċi, aktar ġusti u aktar reżiljenti. Bħala enerġija nadifa, l-idroġenu jista’ jkun fattur ewlieni tat-trasformazzjoni. Din hija l-idea ewlenija wara Opinjoni minn Pierre Jean Coulon adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-KESE.

Fid-dokument, il-KESE jappoġġja l-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu mressqa mill-Kummissjoni Ewropea bħala pass ’il quddiem fil-ħolqien ta’ ambjent favorevoli biex jiżdiedu l-provvista u d-domanda għall-idroġenu u biex tinkiseb ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

“L-idroġenu nadif għandu jsir prijorità ċara, peress li din hija l-unika għażla kompatibbli man-newtralità klimatika,” qal is-Sur Coulon matul id-dibattitu fil-plenarja. “Il-fondi Ewropej għall-irkupru għandhom jippermettu lin-negozji, l-innovaturi, il-ħaddiema u l-investituri li jaffermaw ir-rwol tagħhom bħala mexxejja dinjija fis-swieq tal-enerġija nadifa li qed jespandu.”

B’mod partikolari, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif li għandha tingħata l-kompitu li tippjana l-investimenti fil-produzzjoni u torganizza d-domanda għal idroġenu nadif fl-UE.

Dan il-korp se jinkludi l-mexxejja tal-industrija, is-soċjetà ċivili, il-ministri nazzjonali u reġjonali u l-Bank Ewropew tal-Investiment. Peress li l-KESE se jaqdi rwol ewlieni biex titħaffef it-trasformazzjoni tal-industriji Ewropej, huwa essenzjali li jkun involut fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata. (mp)