European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal aktar appoġġ finanzjarju, u appoġġ għas-saħħa u għall-akkomodazzjoni għall-membri tal-familja li jipprovdu l-kura
L-UE u l-Istati Membri għandhom bżonn jimplimentaw miżuri biex itejbu ħajjet dawk li jipprovdu kura fit-tul għall-membri tal-familja b’diżabilità jew b’mard kroniku jew deġenerattiv, qal il-KESE fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru.
Ir-relatur tal-Opinjoni, Pietro Vittorio Barbieri, qal li l-miżuri kollha għandhom jittieħdu b’mod konġunt ma’ dawk li jfasslu l-politiki, l-impjegaturi (permezz tad-djalogu soċjali) u l-membri tal-familja li jipprovdu l-kura u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.
“L-ewwel pass huwa li nirrikonoxxu l-valur tax-xogħol tagħhom u nagħtuhom vuċi fl-assistenza li jipprovdu. It-tieni pass huwa l-għoti ta’ servizzi u appoġġ fir-rigward tal-akkomodazzjoni sabiex jiġu evitati l-iżolament, il-marġinalità u l-piż żejjed psikofiżiku. Huwa ovvju li jekk il-pajjiżi jistgħu jiggarantixxu li jipprovdu ċertu servizzi, dan inaqqas ftit mill-piż minn fuq il-membri tal-familja”.
Tali miżuri jinkludu li l-membri tal-familja li jipprovdu l-kura ikollhom servizzi tas-saħħa adegwati, inkluża l-kura tas-saħħa preventiva, kif ukoll taħriġ dwar kif jieħdu ħsieb saħħithom stess. Jinħtieġu wkoll appoġġ u kura fid-djar (skont il-ħtiġijiet tas-saħħa u tal-kura) u appoġġ psikoloġiku għal dawk li jipprovdu l-kura u l-unità tal-familja.
Il-KESE jappella wkoll biex l-Istati Membri jikkunsidraw forom alternattivi ta’ remunerazzjoni, inkluża għajnuna finanzjarja, għall-membri tal-familja li jipprovdu kura li jinsabu f’riskju ta’ faqar meta jkunu mġiegħla jċedu l-impjieg bi ħlas jew jaħdmu inqas sigħat.
L-impjegaturi għandhom jitħeġġu wkoll jipprovdu arranġamenti tax-xogħol flessibbli u benesseri korporattivi li jmorru lil hinn mill-minimu meħtieġ skont ir-regoli nazzjonali għall-impjegati li jipprovdu kura kontinwa għall-membri tal-familja.
Il-pandemija tal-COVID-19 x’aktarx aggravat is-sitwazzjoni ta’ ħafna membri tal-familja li jipprovdu l-kura, iżda m’hemmx biżżejjed informazzjoni aġġġornata disponibbli dwar l-iskala tal-kwistjoni u dan ifixkel l-isforzi biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata. (ll)