L-istrateġija ġdida tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà hija pass ’il quddiem, jgħid il-KESE

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-pakkett il-ġdid propost ta’ miżuri dwar iċ-ċibersigurtà tal-UE iżda jindika dgħufijiet fl-indirizzar tad-diskrepanza kbira fil-ħiliet ċibernetiċi tal-Ewropa. Fil-fehma tal-KESE, l-entitajiet kritiċi jeħtieġu wkoll razzjonalizzazzjoni, semplifikazzjoni u linji gwida aktar ċari għall-applikazzjoni.

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-istrateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà bħala pass pożittiv għall-protezzjoni tal-gvernijiet, il-persuni u n-negozji mit-theddid ċibernetiku, u għas-salvagwardja tat-tkabbir ekonomiku – qasam fejn jidher li l-UE hija vulnerabbli ħafna, bl-impatt ekonomiku taċ-ċiberkriminalità stmat li huwa 0,84 % tal-PDG, meta mqabbel ma’ 0,78 % fl-Amerika ta’ Fuq.

Nuqqas kritiku ta’ ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà

Madankollu, il-KESE jenfasizza li hemm nuqqas kritiku ta’ ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa u li l-istrateġija mhux ser tkun biżżejjed biex tindirizzah. Id-domanda għall-professjonisti taċ-ċibersigurtà ilha tikber f’dawn l-aħħar snin u żdiedet ħafna matul il-pandemija. Hekk kif l-organizzazzjonijiet qalbu malajr l-operazzjonijiet tagħhom għal tip online, u 40 % tal-ħaddiema tal-UE qalbu għal xogħol mill-bogħod fl-2020, huwa stmat li 40 % tal-utenti tal-UE esperjenzaw kwistjonijiet relatati mas-sigurtà fl-2020, b’aktar minn 12 % tan-negozji li ntlaqtu minn attakki ċibernetiċi.

Il-ħtieġa li tiġi żgurata d-data u li jiġu evitati inċidenti ta’ hacking persistenti saret aktar akuta, u saret prijorità ewlenija li jiġu rreklutati professjonisti taċ-ċibersigurtà. Iżda n-numru ta’ rwoli miftuħa huwa akbar mill-għadd ta’ professjonisti biex jimlewhom: il-postijiet tax-xogħol battala fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-UE huma mistennija li jilħqu mill-inqas 200 000 sal-2022. Għall-biċċa l-kbira tal-kumpaniji Ewropej u speċjalment l-SMEs, id-diskrepanza dejjem tikber fil-ħiliet hija problema enormi.

Huwa ċar li l-UE għandha bżonn urġenti ta’ professjonisti mħarrġa li jaħdmu fi rwoli taċ-ċibersigurtà kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku għas-sigurtà tal-individwi, tan-negozji u tal-UE, qal Philip von Brockdorff, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar l-istrateġija. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jkun hemm Perkors tal-Karrieri fiċ-Ċibersigurtà armonizzat biex jgħin biex tiġi indirizzata d-diskrepanza dejjem akbar fil-ħiliet madwar l-UE.

L-Istati Uniti żviluppaw Għodda għall-Perkorsi tal-Karrieri fiċ-Ċibersigurtà biex tingħata għajnuna lin-nies meta jikkunsidraw karriera fiċ-ċibersigurtà biex jidentifikaw, jiżviluppaw u jinnavigaw tul il-perkors ta’ karriera rilevanti. Din l-għodda interattiva tgħin lin-nies jesploraw varjetà kbira ta’ rwoli, billi tispjega l-kompiti u l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa, u timmappja l-perkorsi tal-karrieri fil-livelli kollha, minn dawk bażiċi sal-livelli għolja. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Ewropa tista’ tiżviluppa Għodda għall-Perkorsi tal-Karrieri fiċ-Ċibersigurtà applikabbli fl-UE kollha biex tgħin fit-taħriġ ta’ forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà b’ħiliet komparabbli fl-Ewropau  li tkun kapaċi tiċċaqlaq bejn il-fruntieri u tissodisfa d-domanda f’din l-industrija b’rata għolja ta’ tkabbir madwar il-blokk.

Iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi: ħtieġa għal semplifikazzjoni u definizzjonijiet ċari

Fit-tieni Opinjoni, imfassla minn Maurizio Mensi, il-KESE jilqa’ ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni biex l-entitajiet pubbliċi u privati kritiċi jsiru aktar reżiljenti għat-theddid minn attakki ċibernetiċi u fiżiċi, filwaqt li jindika l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-industrija u tal-innovazzjoni b’mod inklużiv permezz ta’ strateġija bbażata fuq erba’ pilastri: il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u ċ-ċibersigurtà.

Madankollu, fl-interess tar-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni, il-Kumitat jitlob li ż-żewġ proposti jingħaqdu f’test wieħed, peress li huma marbutin mill-qrib u komplementari (waħda tiffoka primarjament fuq iċ-ċibersigurtà u l-oħra fuq is-sigurtà fiżika) u xi wħud mid-dispożizzjonijiet jikkoinċidu.

Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li, minħabba r-rilevanza u s-sensittività tal-objettivi segwiti miż-żewġ proposti, regolamenti jkunu preferibbli minflok direttivi, anke meta jitqiesu s-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni mwettqa qabel ma saru l-proposti, kif ukoll l-intenzjoni kondiviża li tiġi evitata l-frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali.

Fl-aħħar nett, b’referenza għall-kamp ta’ applikazzjoni, il-Kumitat jirrimarka li hemm bżonn ta’ linji gwida speċifiċi u aktar ċari biex jiġu identifikati b’mod preċiż l-entitajiet “kritiċi” marbuta bid-Direttiva proposta. Fil-kummenti tiegħu dwar dan is-Sur Mensi qal: Il-kriterji biex issir distinzjoni bejn entitajiet “essenzjali” u “importanti” fis-setturi identifikati bħala kritiċi għall-ekonomija u s-soċjetà jeħtieġ jiġu definiti aħjar. Irridu niżguraw li approċċi mhux allinjati fil-livell nazzjonali ma jirriżultawx f'ostakli għall-kompetizzjoni u għall-moviment liberu ta' oġġetti u servizzi, bir-riskju li jagħmlu ħsara lill-intrapriżi u lill-kummerċ.

Kuntest

F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat "l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali" flimkien ma’ żewġ proposti leġiżlattivi: ir-reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni ("id-Direttiva NIS 2") u d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi l-ġdida (CER).

L-Istrateġija hija element ewlieni tal-Komunikazzjoni dwar “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, tal-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa u tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, u għandha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tal-Ewropa kontra t-theddid ċibernetiku u li tiżgura li ċ-ċittadini u l-intrapriżi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi u għodod diġitali affidabbli u siguri.