Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jieħu l-inizjattiva li japprova l-valuri minquxa fl-Olimpjadi tal-2024 f’Pariġi, mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili.

Fix-xenarju ġeopolitiku fraġli tal-lum, il-KESE qed iressaq b’mod simboliku l-idea ta’ tregwa matul iċ-ċelebrazzjoni tal-logħob, biex tirrifletti t-tliet valuri oriġinali tal-eċċellenza, ir-rispett u l-ħbiberija. Is-soċjetà ċivili organizzata hija favur l-ispirtu tal-bini ta’ dinja paċifika u aħjar permezz tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ bi sport li jiġi pprattikat mingħajr diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip, u fi spirtu ta’ ħbiberija, solidarjetà u logħob ġust.

Oliver Röpke, il-President tal-KESE, qal li: “Il-Logħob jirrappreżenta l-ispirtu ta’ għaqda u paċi, li ma jagħrfux fruntieri u jlaqqgħu flimkien lill-persuni minn kull qasam tas-soċjetà. Billi nirrakkomandaw dawn il-valuri, nittamaw li nispiraw moviment globali favur il-paċi u s-solidarjetà.”

Laurenţiu Plosceanu, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, qal li: “B’din l-inizjattiva nixtiequ napprovaw il-valuri tal-isport li ma jeqdiemu qatt. Il-valuri li qed niddefendu għandhom is-setgħa li jbiddlu d-dinja u jgħaqqdu lin-nies u lill-pajjiżi.”

Krzysztof Pater, il-Viċi President tal-KESE għall-Baġit, qal li: “Il-Logħob ta’ Pariġi juri li kulħadd għandu d-dritt li jagħmel parti minn din iċ-ċelebrazzjoni kbira tal-isports mingħajr diskriminazzjoni. Il-persuni b’diżabilità huma eżempju b’saħħtu għall-udjenzi madwar id-dinja, u jenfasizzaw il-valuri tal-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-ugwaljanza.”

Dimitris Dimitriadis, eks President tal-KESE u President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE, qal: “It-tregwa, jew ‘Ekecheiria’ bil-Grieg oriġinali, issa tidher aktar f’waqtha minn qatt qabel. Jeħtieġ li din l-idea tat-tregwa nagħtuha l-ħajja u nħaddmuha fil-prattika bħala tama biex nispiraw l-umanità u nippromovu l-paċi u d-djalogu.”

Giulia Barbucci, eks Viċi President tal-KESE għall-Baġit u Membru tal-KESE, qalet: “Għall-ewwel darba fl-istorja, se jkun hemm parteċipazzjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-Logħob ta’ Pariġi. Iżda rridu niftakru li l-parità fil-parteċipazzjoni mhijiex l-ugwaljanza u għad hemm ħafna xi jsir fir-rigward ta’ dan l-objettiv fl-isport.”

Isabel Caño Aguilar, eks Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni u Membru tal-KESE, qalet: “Ix-xewqa tiegħi għal-Logħob ta’ Pariġi hija li l-kategoriji kollha ta’ persuni b’diżabilità jkun rappreżentati b’mod ekwu, bid-dritt li jikkompetu u jiġu protetti, speċjalment bl-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità intelletwali”. (mt)