Il-KESE kkritika l-pjan attwali tal-Kummissjoni Ewropea għall-materjali avvanzati minħabba n-nuqqas ta’ finanzjament, ta’ miri kwantifikabbli u ta’ indikaturi tas-sostenibbiltà tiegħu. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni, huwa jirrakkomanda strateġija komprensiva biex l-UE ssib postha bħala mexxejja globali f’dan is-settur vitali. 

“Il-materjali avvanzati huma kruċjali għall-industrija, it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà fl-UE. Neħtieġu indikaturi tas-sostenibbiltà fil-proċessi kollha tal-produzzjoni u rridu niżguraw il-ħiliet it-tajba u forza tax-xogħol ikkwalifikata,” qal Anastasis Yiapanis, relatur tal-Opinjoni. 

Il-Kumitat iwissi li l-pjan tal-Kummissjoni huwa nieqes mill-ambizzjoni u mill-miri speċifiċi meħtieġa biex tiġi żgurata t-tmexxija industrijali tal-UE. Il-korelatur Gerardo Luis Arroyo Herranz enfasizza n-nuqqas ta’ miri kwantifikabbli, skadenzi u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Il-KESE jappella għal approċċ strateġiku kuraġġuż biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE f’materjali avvanzati u jipproponi l-inklużjoni tal-kura tas-saħħa bħala qasam strateġiku minħabba l-impatt industrijali sinifikanti tagħha. 

Rakkomandazzjoni ċentrali hija t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima. Dan jeħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn l-industrija, l-akkademja u dawk li jfasslu l-politika, investiment sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp, u l-iżvilupp tal-ħiliet. “Mingħajr persuni b’ħiliet adegwati, kwalunkwe azzjoni tista’ tfalli. L-UE trid timplimenta programmi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid u inizjattivi ta’ edukazzjoni vokazzjonali,” qal is-Sur Arroyo Herranz

Il-KESE jqis li l-EUR 250 miljun proposti għal materjali avvanzati taħt Orizzont Ewropa mhumiex biżżejjed u jappella għal finanzjament aktar sostanzjali, inċentivi bbażati fuq it-taxxa u proċessi burokratiċi simplifikati biex jiġu stimulati l-investiment u l-innovazzjoni. L-iżgurar ta’ provvista stabbli ta’ materja prima kritika huwa wkoll ta’ tħassib. 

Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tal-kapaċità domestika tal-UE u d-diversifikazzjoni tas-sorsi, inklużi sħubijiet mal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti u kuntratti fit-tul ma’ pajjiżi iżgħar biex jittaffa t-tfixkil fil-provvista. (gb)